Kummerċ Lokali

Emirates se żżid it-titjiriet minn Malta għal Dubaj għal ħames darbiet fil-ġimgħa

Emirates ħabbret li se żżid il-frekwenza tat-titjiriet tar-rotta Malta-Larnaka-Dubaj għal ħames darbiet fil-ġimgħa mill-01 ta’ Lulju 2022. Ir-rotta bħalissa topera tliet darbiet fil-ġimgħa u l-pjan hu li eventwalment tibda topera ta’ kuljum.

It-titjira tal-Emirates EK110 se topera kull nhar ta’ Tnejn, nhar ta’ Erbgħa, nhar ta’ Ġimgħa, nhar ta’ Sibt u nhar ta’ Ħadd bi tluq minn Malta fit-1535 u nżul fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Larnaka f’Ċipru fis-1900 għal waqfa qasira, qabel ma jitkompla l-vjaġġ lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Dubaj b’inżul fis-0105. It-titjira lura Malta titlaq minn Dubaj fit-0800 u għandha waqfa qasira f’Larnaka fil-1110. It-titjira mbagħad tħalli Larnaca f’1220 u tinżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fis-1405. Il-ħinijiet huma kollha ħinijiet lokali skont il-belt.

Il-Country Manager tal-Emirates f’Malta, Paul Fleri Soler, qal: “Minn meta Malta laqgħet lill- Emirates mill-ġdid f’Lulju tal-2021, ir-rotta Malta-Larnaka-Dubaj stabbilixxiet lilha nnifisha għal darb’oħra bħala waħda mill-aktar rotot popolari minn u lejn il-Mediterran. Hija inkorraġġanti li nistgħu nżidu l-frekwenza tat-titjiriet għal ħames darbiet fil-ġimgħa biex nilqgħu għad-domanda tal-ivvjaġġar f’kuntest tat-tnaqqis sinifikanti fir-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija, kif ukoll biex ngħinu fit-tisħiħ tar-rabta bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda.”

Ir-rotta Malta-Larnaka-Dubaj ilha topera għal dawn l-aħħar 24 sena. Passiġġieri f’kull klassi jistgħu jgawdu aktar minn 4,500 stazzjon tad-divertiment fuq ice, is-sistema ta’ divertiment fuq it-titjiriet, kif ukoll minn ikliet ispirati mir-reġjuni.

Wieħed jista’ jixtri biljett għal titjira mal-Emirates, kif ukoll servizzi oħra, billi jżur https://www.emirates.com jew mill-parti l-kbira tal-aġenti tal-ivvjaġġar. Passiġġieri huma mħeġġa biex dejjem jiċċekkjaw l-aħħar żviluppi dwar l-ivvjaġġar min-naħa tal-gvern, u jassiguraw rwieħhom li jkollhom kulma għandhom bżonn għal vjaġġar lejn id-destinazzjoni aħħarija tagħhom.