Ambjent Lokali

Filmati jixhdu skart fil-baħar li qed jikkawża ħsara kbira

Diversi xbieki qed jitħallew f’qiegħ il-baħar minflok ikunu mormija jew użati mill-ġdid. Dan jidher ċar minn filmat li ppubblika fuq Facebook mill-għaddas Raniero Borg… fejn fuq inizjattiva tiegħu stess qiegħed inaddaf iz-zona vicin il-Veċċja f’San Pawl il-Baħar.

Raniero spjega ma’ Net News li s-sena li għaddiet, fl-istess post fil-baħar instabu xbieki u hu kien ġabarhom. U din is-sena, fl-istess post, mill-ġdid reġgħu kienu mormija għadd ta’ xbieki, fejn din id-darba, qabel ramew ix-xbieki ġabru s-snanar… għax dawn jiswew ħafna aktar flus.

Raniero qalilna li din hija sitwazzjoni tal-biki, li għad hawn mentalità li tista’ titfa’ kollox fil-baħar bi ħsara kbira lejn l-eko sistema. Dan ghaliex dawn ix-xbieki jafu jdumu ‘il fuq minn 500 sena sakemm jiddekomponu.

Hu spjegalna illi kull ma jmur qed isiru inizjattivi ta’ tindif tal-ibħra tagħna, b’persuni qed jiġbru l-linji tas-sajd u l-iskart mill-baħar minħabba l-qerda li qed jikkawża lill-ħajja tal-baħar, speċjalment lill-ħut u ‘l-fkieren. Iżda stqarr illi jħoss dieqa kbira meta jara dawn l-affarjiet fil-baħar bi skart bla rażan mormi bl-addoċċ.

Raniero Borg min-naħa tiegħu appella biex mat-tajjeb ma jeħilx il-ħażin, iżda jeħtieġ li min qed jagħmel dan jirrealizza li qed jagħmel ħsara kbira ambjentali u appella mill-ġdid lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni mill-aktar fis.

Intant f’jum l-oċeani, nhar it-8 ta’ Ġunju grupp ta’ 80 voluntiera irnexxielhom jiġbru għadd ta’ skart mill-bajja tax-Xemxija – tant li irnexxielhom jimlew skip sħiħ.  Dan apparti li kien hemm ukoll tindif ta’ zoni anke fuq l-art… f’Baħar iċ-Ċagħaq.