“Red flag” għall-MTA mhix biżżejjed, irrilevanti jekk l-intenzjonijiet kienux tajbin jew le. Infieq ta’ €20 miljun aktar mill-Budget hu wisq, in-nuqqas ta’ approvazzjoni amministrattiva hu xokkanti, it-tneħħija u riżenji ta’ uffiċjali għoljin turi t-tħassib dwar l-immaniġġjar ħażin tal-Awtorità u nisperaw li din mhix xi mossa sistematika fi ħdan entitajiet oħrajn.” – Hija din id-dikjarazzjoni li għamel il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata mill-Viċi Kap u Kelliem għat-Turiżmu Robert Arrigo u l-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia.
Il-PN saħaq li dawn huma l-affarijiet li joħolqu d-dubji “għax l-esperjenza għallmitna li din tixbaħ xi manuvra għal dawk tal-qalba. Diġà nafu li flejjes kbar intefqu fuq vjaġġar b’akkomodazzjonijiet lussużi u għoljin wisq, kif ukoll divertimenti lussużi għall-istaff u spejjeż eżaġerati f’attivitajiet organizzati mill-Awtorità. Hu ċar li dawn l-ispejjeż ma sarux biex jiżdied it-turiżmu, bħal f’titjib fl-iskedi tat-titjiriet jew biex jitjieb il-prodott għal min jiġi jżurna.”
Robert Arrigo u Jerome Caruana Cilia qalu dan “użu ta’ fondi pubbliċi għall-gwadann personali żgur li mhux governanza tajba. U agħar minhekk, la l-Ministeru u lanqas l-MTA ma tidher li trid tikkummenta jew twieġeb dwar dan kollu.”
Fl-istqarrija l-PN fakkar kif barra minhekk, bl-ogħla defiċit fl-Unjoni Ewropea (8% tal-Prodott Gross Domestiku), “il-Gvern għandu jara li l-finanzi pubbliċi jintużaw b’mod xieraq u bi strateġija minflok ma jinxterdu fost tal-qalba tal-Labour. Il-Gvern għandu jimxi mal-wegħdiet tiegħu stess u jassigura kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd f’dawn iż-żminijiet diffiċli ta’ sfida u mhux għal dawk “iffortunati” biżżejjed biex ikunu fiċ-ċirku ta’ ġewwa tal-qalba.”
//= $special ?>