I
Il-battalja għall-kontroll tal-belt ta’ Severodonetsk, fl-aħħar sigħat, daħlet f’fażi kruċjali – bil-President Ukren, Volodymyr Zelensky, isostni li t-truppi tiegħu qegħdin jiġġieldu ‘għal kull metru ta’ art’ fost l-avvanzi tal-qawwiet Russi li n-numri tagħhom jissuperaw bil-kbir lill-gruppi tad-difensuri Ukreni skjerati fiz=zoni sensittivi tal-belt.
Fl-aħħar sigħat ħarġet ukoll l-aħbar li l-qawwiet Ukreni kienu kostretti li jirtiraw miċ-ċentru ta’ Severodonetsk minħabba li r-Russi qed jutilizzaw tajjeb il-vantaġġ kbir li għandhom f’termini ta’ artillerija.
U filwaqt li Severodonetsk tibqa’ l-aktar belt importanti – minn lat ta’ loġistika – fir-reġjuni Ukreni tal-Lvant, hemm possibbiltà kbira li l-inħawi jispiċċaw ‘maqtugħin mill-kumplament tal-Ukrajna’. Dan għaliex ir-Russi qed jidhru qrib ħafna li jeqirdu l-aħħar pont li jwassal għal din il-belt; b’Severodonetsk tibqa’ ‘l-akbar kamp tal-battalja’ fir-reġjun tad-Donbas.
Intant,.mijiet ta’ ċivili baqgħu jistkennu fil-faċilità kimika ta’ Azot ( f’Severodonetsk) waqt li l-militar Russu kompla jibbumbardja dik iz-zona.
Filwaqt li l-battalji għal Severodonetsk komplew jiħraxu, Eduard Basurin, li hu rappreżentant militari ewlieni tar-Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk (fejn hemm preżenza kbira ta’ separatisti li jappoġġjaw lir-Russja) insista li t-truppi Ukreni li għadhom f’Severodonetsk iridu ‘iċedu jew jinqatlu fejn qegħdin’.
Ir-Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk, hija, fil-fatt, art tal-Ukrajna li l-President Russu Vladimir Putin kien iddikjaraha ‘repubblika’ ftit jiem biss qabel l-invażjoni tal-Ukrajna. Madankollu, il-maġġoranza tal-pajjiżi tad-dinja mhumiex jirrikonoxxu dan l-istatus ġdid għar-reġun inkwistjoni.
Eduard Basurin, sadanittant, qal li l-qawwiet Ukreni mhumiex se jkunu jistgħu jitilqu minn Severodonetsk filwaqt li tenna – mingħajr ma produċa l-provi — li ‘inqered l-aħħar pont li kien jgħaqqad l-inħawi mal-belt ta’ Lysychansk’. Is-sorsi indipendenti, iżda, ma vverifikawx il-kliem ta’ Basurin, bis-separatista jirrepeti li d-difensuri Ukreni f’Severodonetsk ‘iridu bilfors iċedu l-armi inkella ħajjithom peress li ma teżistix għażla oħra fiċ-ċirkustanzi’.
//= $special ?>