Lokali

Il-PN jappella għal aktar komunikazzjoni biex tinstema’ l-vuċi tal-maġġoranza tal-membri tas-CRPD

Qed issir referenza għall-istqarrija maħruġa minn 12-il membru tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (CRPD) b’reazzjoni għal stqarrija li ngħad li nħarġet mill-istess Kummissjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda diversi Liġijiet dwar il-Prokrezzjoni Assistita (l-Att dwar l-IVF), fejn dawn qalu li fl-ebda waqt ma kienu kkonsultati kif miftiehem.

Mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-kontenut tal-istqarrija oriġinali, il-Partit Nazzjonalista jħoss li qabel ma ħarġet pożizzjoni uffiċjali dwar suġġett delikat u sensittiv bħal dan, is-CRPD kellha tiddiskuti u taqbel tali pożizzjoni mal-membri kollha tal-Kunsill tal-Kummissjoni.

B’hekk, il-pożizzjoni ikkomunikata tkun verament tirrifletti l-ħsibijiet tal-Kunsill fl-aħjar interess ta’ kull persuna b’diżabbiltà, f’ġieħ l-ugwaljanza u l-inklussività li nemmnu li għandu jkun hemm fis-soċjetà tagħna.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija iffirmata mill-Kelliem għall-Inklużjoni u l-Volontarja, Graziella Galea u l-Kelliem għas-Saħħa, Stephen Spiteri, appella biex sitwazzjonijiet bħal dawn ma jerġgħux iseħħu biex tingħata l-importanza xierqa lill-persuni b’diżabbiltà u biex komunikazzjoni li jingħad li tkun ħarġet mis-CRPD tkun verament tirrifletti l-pożizzjoni tal-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill u mhux biss tal-minoranza.