Meta t-Tnejn waranofsinhar saqsejna lill-Ministri u d-Deputati tal-Gvern x’se jagħmlu quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja – ħadd ma kien jaf iwieġeb. U kulħadd inħeba wara l-mekkaniżmu tal-COLA.
Fi kliem sempliċi, il-Gvern għadu mingħajr soluzzjonijiet
Fl-aħħar jiem, l-NSO ppubblika statistika illi turi biċ-ċar li għal 15-il xahar konsekuttiv, l-inflazzjoni kompliet tispara ‘l fuq.
Filfatt, f’April, ir-rata tal-inflazzjoni kienet fil-livell ta’ 5.67 fil-mija. Il-grafika nnifisha ppubblikata mill-NSO turi li din ix-xejra ta’ żieda fil-prezzijiet ilha għaddejja minn ferm qabel ma faqqgħet il-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa. Tant li ż-żidiet kbar fil-prezzijiet ilhom jinħassu minn Frar tas-sena l-oħra.
Iżda l-Ministri donnhom ftit huma inkwetati dwar din il-problema.
Il-livell tal-għoli tal-ħajja issa laħaq rekord għal dawn l-aħħar ħames snin.
Meta wieħed iħares lejn dak li qed jiġri fl-isfera internazzjonali, u meta wieħed jikkonsidra x-xejriet tal-aħħar xhur, jidher li din il-pjaga se tkompli tkun ta’ uġigħ ta’ ras għal ħafna familji Maltin u Għawdxin.
U għalhekk, bir-raġun, ħafna qed jistaqsu x’qed jagħmel il-Gvern Malti?
Quddiem sitwazzjoni simili – jekk mhux aghar – il-Gvern Ingliż ħa azzjoni mal-ewwel. Tant illi x-xahar li għadda ħabbar kif familji vulnerabbli se jkunu qed jirċievu għajnuna ta’ £5 biljun – illi jfisser li mat-tmien miljun familja se jinghataw £650 fi flus, sabiex tkun indirizzata d-daqqa enormi tal-għoli tal-ħajja. Dawn il-flus se jkunu qed jingħataw f’żewġ pagamenti diretti din is-sena stess.
//= $special ?>