Il-Qorti għandha tiddeċiedi fuq talba għall-ħelsien mill-arrest ippreżentata minn wieħed mill-irġiel akkużati li pprovda l-bomba użata fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, wara li kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża għamlu l-aħħar sottomissjonijiet tagħhom.
L-Imħallef Giovanni Grixti sema’ sottomissjonijiet dwar talba għall-ħelsien mill-arrest ippreżentata minn Robert Agius, wieħed mill-aħwa tal-Maksar, li huma akkużati b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-avukat Carmel Chircop.
Agius ilu jinżamm arrestat minn mindu tressaq il-Qorti fi Frar 2021. Din l-aħħar talba għal libertà proviżorja tressqet wara li s-Supretendent tal-Iskwadra tal-Omiċidji Keith Arnaud xehed f’każ li sar min-negozjant li allegatament li ffinanzja l-qtil ta’ Caruana Galizia, Yorgen Fenech, quddiem l-Imħallef Audrey Demicoli, fjn informa lill-qorti li terzi persuni mhux imsemmija kienu wkoll jagħmlu parti fl-investigazzjoni tal-qtil, iżda ma kinux ġew identifikati lid-difiża.
L-avukat difensur ta’ Agius, Alfred Abela, sostna li numru ta’ provi mitluba mid-difiża ma ġewx esebiti mill-prosekuzzjoni. Abela ddeskriva l-biża’ tal-prosekuzzjoni li Agius jaħrab mill-gżejjer bħala “assunzjonijiet”. Irrimarka li l-klijenti tiegħu lanqas biss ġew mitkellma mill-pulizija qabel Vince Muscat “darba, qam u semma’ lill-klijenti tiegħi… imma tliet snin sħaħ, kieku ridt ma kellix il-ħin kollu tad-dinja biex tnħrab jew tbagħbas l-evidenza?,” qal l-avukat.
Robert Agius iddistanza wkoll mid-droga li kien allegat li kienet instabet fil-pussess ta’ Adrian Agius, qal Abela fil-Qorti. “Kulma nstab fil-pussess ta’ ħu l-klijent tiegħi m’għandu x’taqsam xejn mal-klijent tiegħi.” Abela irrimarka wkoll li minħabba l-ippjanar kumpless li daħal fil-qtil, kien improbabbli li Agius jagħmel l-iżball li jżomm magna li tgħodd il-flus fid-dar tiegħu.
“Il-klijent tiegħi għandu mara u tliet itfal żgħar, għaliex irid jaħrab, speċjalment fid-dawl tal-fatt li hemm evidenza li tindika l-innoċenza tiegħu?” żied jgħid l-avukat. Il-Prosekutur George Camilleri, li deher għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, esebixxa sentenza kostituzzjonali riċenti mogħtija mill-Imħallef Francesco Depasquale li fiha t-talbiet kollha li saru minn ħu Robert Adrian Agius ġew miċħuda mill-qorti.
Camilleri qal lill-Imħallef Giovanni Grixti kif Robert Agius u ħuh Adrian kienu jqattgħu l-ħin fit-tinda tal-patata fil-Marsa, josservaw il-wasliet u t-tluq tal-katamaran minn u lejn Sqallija sabiex iżommu għajnejhom fuq in-negozju tad-droga tagħhom.
Minn eżaminazzjoni ulterjuri tal-atti rriżulta li Robert Agius stess kien talab lill-Ispettur Kevin Pulis mill-Iskwadra tad-Droga biex jixhed fil-kumpilazzjoni tal-provi, minħabba l-involviment tiegħu fl-investigazzjoni ta’ każ ta’ traffikar fil-konfront ta’ Agius, li fih Agius finalment ġie lliberat.
L-ispettur kien ikkonferma li Agius kien dejjem ġab ruħu sew waqt li kien fuq garanzija. Madankollu, l-ispettur kien xehed ukoll għall-fatt li Agius qabel kien ġie osservat jivvjaġġa barra minn Malta kull xahar. Dan il-fatt indika li r-raġel kellu kuntatti qawwija barra minn Malta, issottometta l-prosekutur.
Dwar il-kwistjoni tat-tbagħbis tal-provi, l-Avukat Camilleri sostna li filwaqt li Agius kien qed isostni li x-xhieda l-ġodda issa jistgħu jippruvaw l-innoċenza tiegħu, il-fatt li dawn ix-xhieda ġodda kienu kollha mressqa mid-difiża ssaħħaħ biss it-tħassib tal-prosekuzzjoni dwar it-tbagħbis tal-provi minn Agius.
Dawn il-fatti kollha jimmilitaw kontra li Agius li jingħata l-libertà proviżorja, sostna l-prosekutur. Il-każ kellu l-karatteristiċi kollha tal-kriminalità organizzata, huwa qal, waqt li qal lill-Imħallef li l-magna tal-flus irkuprata mill-pulizija mir-residenza ta’ Agius ma kienx sejba innoċenti.
Il-prosekutur fakkar ukoll fil-Qorti li fil-pussess ta’ Agius instabu 300 gramma ta’ sustanza użati fl-ispaċċar tad-droga użata fit-traffikar tal-eroina. Filwaqt li huwa minnu li l-pulizija kienet staqsiet dwar l-aħwa tal-Maksar fl-investigazzjoni inizjali tagħha dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia iżda ma ħadet l-ebda azzjoni, kienet ħarġu evidenza ġdida meta Vincent Muscat kien xehed u indika l-involviment ta’ Agius, qal il-prosekutur.
L-angolu tal-kriminalità organizzata kien ħareġ ukoll mix-xhieda tal-investigaturi tal-pulizija, mhux biss ta’ Vincent Muscat, żied Camilleri li rrimarka li dan l-aħħar xehed ukoll is-Supretendent Arnaud dwar il-fatt li l-aħwa tal-Maksar kienu persuni ta’ interess fil-qtil ta’ Caruana Galizia. investigazzjoni mill-bidu tagħha. L-Imħallef mistenni jagħti digriet dwar it-talba għal libertà proviżorja mis-sigrieta tal-awla. L-avukati Alfred Abela, Rene Darmanin u Ishmael Psaila qed jassistu lil Agius.
//= $special ?>