L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kompla josserva sinjali ta’ rkupru tal-ivvjaġġar bl-ajru, hekk kif it-traffiku qabeż il-500,000 passiġġier għat-tieni xahar konsekuttiv f’Mejju. F’Mejju għaddew 554,820 passiġġier mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, total li jsarraf fi rkupru ta’ 82.3% taċ-ċifri rreġistrati qabel il-pandemija, hekk kif l-awtoritajiet Maltin komplew jirrilassaw ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-pajjiżi li lejhom hemm titjira diretta mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta issa neħħew għalkollox ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal passiġġieri ġejjin minn pajjiż fl-Unjoni Ewropea jew fiż-Żona Schengen.
It-traffiku tal-passiġġieri rkupra b’mod parallel ma’ rkupru ta’ 81.2% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. F’Mejju li għadda 81.4% ta’ dawn il-postijiet kienu okkupati, jiġifieri żieda ta’ 1.1% fuq l-2019, li kompliet tindika domanda b’saħħitha għall-ivvjaġġar.
L-AQWA SWIEQ TAL-AJRUPORT INTERNAZZJONALI TA’ MALTA
L-Italja baqgħet fil-quċċata tal-aktar swieq popolari, u kkontribwiet 121,120 passiġġier mit-traffiku totali ta’ Mejju. Ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja wkoll żammew posthom mix-xahar ta’ qabel. Filwaqt li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rkupra kważi 80% tal-konnessjonijiet li kellu qabel il-pandemija, l-irkupru ta’ rotot li jgħaqqdu lill-ajruport ma’ tnejn mill-aktar swieq importanti – ir-Renju Unit u l-Ġermanja – qiegħed iseħħ ħafna aktar bil-mod. Qabel il-pandemija, ir-Renju Unit u l-Ġermanja kienu jokkupaw l-ewwel pożizzjoni u t-tielet pożizzjoni rispettivament fil-lista tal-aqwa swieq tal-ajruport.
AĠĠORNAMENT MILL-INDUSTRIJA
Ħarsa lejn l-istampa usa’ turi li l-aktar tbassir aġġornat għall-industrija ġie ppubblikat minn Eurocontrol il-ġimgħa li għaddiet. It-tbassir ta’ Eurocontrol għat-titjiriet jipprovdi tliet xenarji, li kull wieħed iqis is-sitwazzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna. Ix-xenarju bażi, li jaqa’ bejn xenarju aktar ottimist u ieħor aktar pessimist, juri li ċ-ċifri ta’ qabel il-pandemija jistgħu jerġgħu jintlaħqu fl-2024, jekk il-kunfidenza tal-konsumatur tkompli tiżdied, sfidi bħan-nuqqas ta’ staff fl-industrija jiġu indirizzati, u ż-żieda fil-prezz tal-enerġija u żidiet oħrajn ikollhom impatt limitat fuq il-kapaċità tal-akkwist tan-nies.
//= $special ?>