F’attivita’ orgnanizzata mill-Kumitat Olimpiku Malti, tnieda d-disinn tal-logo għal-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa tal-2023, ftit inqas minn sena qabel ma jingħata bidu għal dan il-Logħob.
Maħluq mill-aġenzija lokali The Concept Stadium, il-logo huwa bbażat fuq ispirazzjoni meħuda minn disinji ta’ studenti, li kienu mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċess f’kompetizzjoni mnedija f’Diċembru li għadda għat-tfal tal-iskola ta’ bejn l-10 u t-18-il sena.
Il-logo jgħaqqad iċ-ċrieki famużi Olimpiċi i mal-baħar, ħut u ikona Maltija rikonoxxuta minn ħafna – is-simbolu tal-għajn. L-għajn, matul is-snin tħallat f’diversi aspetti tal-kultura Maltija, mill-famuża Gardjola fl-Isla, sad-dgħajjes Maltin imsejħa Luzzu kif ukoll integrata fil-moda lokali.
Il-kuluri taċ-ċrieki Olimpiċi ġew magħquda biex jenfasizzaw il-valuri ta’ Malta ta’ diversità u inklużjoni permezz tat-taħlit tal-kuluri differenti, u ħolqu kuluri u lwien ġodda meta jitħalltu ma’ xulxin.
“It-tnedija tal-lum hija tragward importanti ieħor li tressaqna eqreb lejn il-Logħob. Ninsabu soddisfatti ħafna nippreżentaw dan il-logo, li nemmnu li se jiġi rikonoxxut malajr u ser jkun identifikat ma’ Malta hekk kif nersqu dejjem lejn il-Logħob.” spjega Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti.
Il-Co-Ċermen tal-Kumitat Organizzattiv Lokali tal-Logħob Mark Cutajar feraħ lill-atleti li fi tmiem il-ġimgħa taw prestazzjoni eċċellenti f’diversi avvenimenti internazzjonali. Kompla jispjega li l-avveniment tal-lum huwa ħolqa fil-katina ta’ avvenimenti li huma meħtieġa biex jospitaw il-Logħob f’Malta s-sena d-dieħla. Il-preparazzjoni għal-Logħob, teħtieġ sforz ugwali mill-atleti u mill-kumitat organizzattiv, biex jiggarantixxu avveniment ta’ suċċess u memorabbli. Mingħajr ma jinżamm il-bilanċ ugwali fuq iż-żewġ fronti, dan mhux se jkun possibbli.
//= $special ?>