Quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja aktar tard mal-jum se jibda għaddej ġuri ra’ missier li jinsab akkużat li fl-2004 għal darba darbtejn stupra lil bintu li dak iż-żmien kellha disa’ snin. Ġie deċiż li l-ġuri jinstema bil-magħluq. Il-missier li llum għandu 47 sena qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjub kontrih u ismu mhux qed jixxandar biex tkun protetta l-identità tal-allegata vittma.
Ir-raġel qed ikun akkużat li fl-2004 stupra lil bintu fir-residenza tal-familja f’Bormla. Qed jiġi allegat li l-missier kien jidħol fil-kamra fejn tkun it-tifla u jsakkar il-bieb. L-ewwel darba li seħħ l-istupru t-tifla kienet qegħda fil-kamra ta’ ħuha, filwaqt li t-tieni darba kienet fil-kamra tas-sodda tagħha stess. It-tieni darba saritilha marka fuq għonqha li ratha ommha wkoll, iżda meta staqsiet dwarha, ir-raġel allegatament bidel id-diskors.
Qed jiġi allegat li ġimgħat qabel l-ewwel stupru r-raġel kien allegatament diġà mess lil bintu minn fuq il-ħwejjeġ, iżda kien waqaf ħesrem għax kienet se taqbad tgħajjat. Il-prosekuzzjoni qed tgħid li l-missier kien iwissi lit-tifla biex ma tgħid xejn b’dak li kien qed jagħmlilha, u kien biss ħafna żmien wara li hija fetħet qalbha ma’ tal-Mużew u rrakkontat dak li kienet għaddiet minnu.
Ir-raġel kien għamel talba biex il-ġuri ma jsirx minħabba li kien difiż minn avukat waqt it-teħid tal-istqarrija u li l-Ispettur li mexxiet il-każ kienet bdiet theddu. Il-Qorti Kriminali ma kinitx laqgħet it-talba tar-raġel li wara ppreżenta l-każ tiegħu quddiem l-Qorti Kostituzzjonali biex tissospendi l-ġuri tal-Qorti Kriminali peress li se jkun hemm preġudizzju kontrih u għalhekk mhuwiex se jingħata smigħ xieraq.
Huwa kien sostna li kienu nkisrulu d-drittijiet tiegħu meta nżamm taħt arrest preventiv għal żmien itwal milli tippermetti l-liġi. Reġa’ lmenta wkoll li ma ngħatax aċċess għal avukat qabel u waqt l-interrogatorju. Il-Qorti Kostituzzjonali wkoll ma laqgħetx it-talba. Il-fatt li t-tifla kienet taħt it-12-il sena meta seħħ ir-reat jagħmel ir-reat aktar serju skont il-liġi.
//= $special ?>