Ambjent Lokali

Nofs il-popolazzjoni mhux kuntenta bl-ambjent tal-lokalità tagħha

Miriam Dalli tattakka attivista ambjentali bit-timbru 'estrem'

L-istħarriġ xjentifiku u nazzjonali li sar minn Vince Marmara bħala parti mit-tieni edizzjoni tal-Konferenza Nazzjonali bit-tema ‘L-Istat tan-Nazzjon’, fost diversi temi, ħares ukoll lejn l-ambjent u kif jaħsiba l-poplu Malti dwar din it-tema.

30.1% tal-Maltin u l-Għawdxin m’humiex kuntenti bl-ambjent fil-lokalità fejn jgħixu. Dan filwaqt li 22.3% wieġbu li la huma kuntenti u lanqas imdejqin bis-sitwazzjoni ambjentali. Dan ifisser li nofs il-popolazzjoni biss tinsab kuntenta bl-ambjent ta’ madwarha. L-istħarriġ wera li persuni bl-ogħola livell ta’ edukazzjoni u l-ħaddiema, huma l-inqas nies kuntenti bl-ambjent ta’ madwarhom.

Fl-istħarriġ tiegħu Vince Marmara staqsa lill-pubbliku biex jagħżel bejn ġnien privat jew flus kontanti. 56.8% għażlu ġnien fuq flus. Minn naħa l-oħra, meta l-pubbliku kien mistoqsi jekk jaħsibx li l-Awtorità tal-Ippjanar għandux ikollha aktar poter, 65.7% wieġbu iva u għalhekk jaħsbu li din l-awtorità m’għandiex biżżejjed poter fuq dak li suppost hija nkarigata minnu.

Il-ħsibijiet tal-poplu Malti rigward l-ambjent kienu diskussi waqt il-Konferenza Nazzjonali fil-panel bit-tema ‘Siġra flok kantun’ li fih ipparteċipaw il-Ministru tal-Ambjent Miriam Dalli, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Janice Chetcuti, Andre Callus minn Moviment Graffitti u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Michael Stivala.

Apparti li rreferiet għal Callus u persuni oħra li jadvokaw favur l-ambjent bħala estremisti, matul l-interventi tagħha, Miriam Dalli kompliet bil-‘buzz-words’ li ilna snin nisimgħu minn membri tal-Gvern Laburista. Hi kellha wkoll kliem sabiħ dwar il-bilanċ, li iżda s’issa qatt ma sarraf f’azzjoni konkreta li taċċerta’ li l-ambjent ta’ madwarna ma jkomplix jinqered. Punt ieħor li tqajjem waqt dan il-panel kien il-fatt li djalogu bejn il-persuni konċernati, fejn jidħol l-ambjent rari jsir… jew inkella jekk isir, ikun għalxejn għaliex id-daqqa dejjem jispiċċa joħoda l-ambjent ta’ madwarna.