Ir-Reġina Eliżabetta tar-Renju Unit, fl-aħħar sigħat, kienet ikkonfermata bħala t-tieni Kap ta’ monarkija bl-itwal renju fl-istorja.
Ir-Reġina issa għalqet 70 sena u 127 jum fuq it-tron ta’ pajjiżha — bl-istorja tikkonferma li ż-żmien tar-renju tagħha ‘issupera’ r-renju tar-Re Tajlandiż Bhumibol Adulyadej, li kien miet fl-2016.
L-aktar kap tal-monarkija li qatt dam jirrenja fl-istorja kien ir-Re Louis X1V ta’ Franza li kien ikkonfermat re fl-età ta’ erba’ snin biss,.
Ftit tal-jiem ilu, ir-Reġina Eliżabetta – li għandha 96 sena — iċċelebrat il-Ġublew tal-Platinum tagħha, waqt li l-poplu tar-Renju Unit issieħeb f’numru ta’ attivitajiet ( imqassmin fuq erbat ijiem) biex ifakkar din l-okkażjoni storika.
Ir-renju tagħha għalaq 70 sena fis-6 ta’ Frar, biċ-ċelebrazzjonijiet isiru dan ix-xahar waqt bank holiday weekend li ntgħażel għall-avvenimenti tal-Ġublew …Avvenimenti li fihom spikkat il-parata famuża ta’ Trooping the Colour u l-kunċert kbir organizzat fil-madwar tal-Palazz ta’ Buckingham.
Jekk ir-Reġina tkun għadha qed tirrenja f’Mejju tal-2024, hi għandha tieħu t-titlu tal-Kap ta’ Monarkija bl-itwal renju fuq pajjiż Sovran.
Ir-renju tar-Re Louis XIV, li twieled fl-1643 u miet fl-1715, kien dam għal 72 sena u 110 jum. Madankollu, hu kien beda jmexxi f’kapaċità personali wara li kien għalaq l-20 sena u meta l-bidu ta’ dan ir-renju hu rikonoxxut mis-sena 1661.
Intant, ir-Reġina laħqet Kap tal-Monarkija fl-età ta’ 25 sena wara l-mewt ta’ missierha, ir-Re Ġorġ VI, fis-6 ta’ Frar tal-1952.
//= $special ?>