Budget 2023 Lokali

Schembri ma joffri ebda soluzzjoni dwar l-għoli tal-ħajja

Bl-għoli tal-ħajja xahar wara l-ieħor jisplodi ‘l fuq… il-familji u l-ħaddiema qed ikompli jħossu dan il-piż li qed jaffettwalhom il-but tagħhom. Bl-istatistika turi bl-aktar mod ċar li kollox qed jogħla b’rata allarmanti u pjuttost inkwetanti għall-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi.

Net News ghamel mill-ġdid attentat ieħor biex jistaqsi lill-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri jekk jaqbilx li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja għandha tkun ta’ 8 ewro – ċifra li ħarġet ftit tal-ġimgħat ilu mill-ekonomista Philip Von Brockdorf.

Fit-tweġibiet tiegħu…il-Ministru baqa’ jirepetti l-istess rettorika, u baqa’ jistaħba wara mekkaniżmu li ilu jintuża sa mis-snin Disgħin. Meta llum ir-realtajiet ta’ pajjżna huma għal kollox differenti.

Din ir-risposta żgur tqajjem rabja fost bosta familji li qed isibuha diffiċli ferm jaslu sal-aħħar tax-xahar, hekk kif għandna Ministru ieħor li mhux iwieġeb x’se jagħmel il-Gvern biex jaffaċċja din l-isfida.

Fi tmiem ix-xahar li għadda ….rapport li ħareġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta wera li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet għal 5.7% f’April ….minn 4.4% ix-xahar ta’ qabel.

Min-naħa l-oħra, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur żdiedet bi kważi punt perċentwali  minn 4.5% fix-xahar ta’ Marzu għal 5.4% f’April

Dawn iċ-ċifri ikomplu jikkonfermaw kemm qed tgħolli rasha l-inflazzjoni, bil-Gvern donnu ftit li xejn qed isib soluzzjonijiet għaż-żieda enormi fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi.

L-aktar li żdiedu fl-ahhar xhur kienu affarijiet tal-ikel bħal-laħam u l-għaġin, prodotti taż-żejt, ħobż u ħalib, ġobon, kif ukoll ikel iehor bħall-pastizzi. Dawn kollha zidiet il-affetwaw direttament il-but tal-familji.

Dan apparti iż-żidiet fil-prezz tal-mediċini – u spejjeż oħra marbuta mal-manutenzjoni tad-dar.