Internazzjonali

Brexit: L-Unjoni Ewropea tħejji azzjoni legali kontra r-Renju Unit dwar ksur ta’ ftehim

L-Unjoni Ewropea, fis-sigħat li jmiss, mistennija tressaq azzjoni legali kontra l-Gvern tar-Renju Unit wara li Londra ddeċidiet biex twarrab għal xi arranġamenti dwar l-ekonomija ta’ wara Brexit.

Numru ta’ Ministri Britanniċi qed jinsistu li ma jibqgħux fis-seħħ il-kontrolli attwali għal xi prodotti li qed jitwasslu mir-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq, ħalli ma jkunx hemm l-effetti negattivi għall-proċess tal-paċi f’din il-provinċja. Dan ukoll meta fil-Parlament ta’ Londra kien ippubblikat abbozz intiż biex jitwarrbu partijiet tal-ftehim li r-Renju Unit kien iffirma mal-Unjoni Ewropea fl-2020.

Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi Brussell qalu li r-Renju Unit kiser il-liġi internazzjonali bid-deċiżjoni tiegħu biex ma jirrispettax xi kriterji tal-ftehim.

In-Northern Ireland Protociol hu kundizzjoni fil-ftehim għal Brexit li jżomm lill-Irlanda ta’ Fuq fis-suq ewlieni tal-Unjoni Ewropea għall-moviment ħieles tal-prodotti. Il-klawsola, fl-istess ħin, qed tevita hekk-imsejjaħ ‘hard border’ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblik tal-Irlanda flimkien mal-kontrolli għall-movimenti tan-nies u l-prodotti.

Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea t-tnejn iridu jevitaw ix-xkiel fuq dan il-livell ħalli jaċċertaw iz-zamma tal-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq. Iżda, l-ftehim ifisser ukoll ħtieġa għall-kontrolli fuq numru ta’ prodotti li qegħdin jaslu fl-Irlanda ta’ Fuq minn bnadi oħra tar-Renju Unit u li qed jopponu għalihom l-Unjonisti tal-provinċja Irlandiża.

L-Unjonisti qalu li din is-sitwazzjoni qed toħloq fruntiera li xxekkel l-attivitajiet kummerċjali fil-Baħar Irlandiż filwaqt li wissew li s-sitwazzjoni kapaċi anki twassal għax-xoljiment tar-Renju Unit fil-forma preżenti.

Wara l-aħħar elezzjonijiet fl-Irlanda ta’ Fuq, id- Democratic Unionist Party (tal-Unjonisti) qed jirrifjuta li jservi f’Eżekuttiv ta’ poter flimkien mal-Partit Sinn Fein dment li ma jinbidilx dan il-Protokoll. Madankollu, numru ta’ partiti oħrajn fl-Irlanda ta’ Fuq qed jaċċettaw il-ftehim ta’ wara Brexit mingħajr sejħa għal riformi partikulari.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern fir-Renju Unit qal li jippereferi li jabqel dwar il-bidliet  potenzjali għall-Protokoll flimkien mal-Unjoni Ewropea aktar milli jimplimenta l-bidliet waħdu u bħala stat ta’ fatt.