Il-membri tal-Gvern fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) oġġezzjonaw li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa jixhed dwar il-kuntratt tal-Electrogas.
Din l-oġġezzjoni l-membri tal-Gvern għamluha fit-tielet seduta tal-PAC f’din il-leġiżlatura li ltaqa’ llum waranofsinhar.
Id-deputat Nazzjonalista u Chairman tal-Kumitat Darren Carabott ħabbar ukoll se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni għall-Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-PAC tal-Commonwealth.
Fil-bidu tal-laqgħa ċ-Chairman tal-PAC Darren Carabott irrifera għar-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li appella lill-kumitat biex isib soluzzjoni dwar kif jissejħu x-xhieda f’dan il-kumitat.
Hu qal li l-Oppożizzjoni ppreżentat lista ta’ 84 xhud biex jixhdu dwar dan il-kuntratt. L-Oppożizzjoni qed tipproponi biex flok jittieħed vot fuq il-lista kollha, il-lista tibqa’ indikazzjoni fil-kumitat, il-vot ikun irtirat u minflok issir proċedura li fiha jkunu ppreżentati x-xhieda għas-seduta li jmiss.
Il-Whip Laburista Andy Ellul qal li l-gvern hu favur proċedura effiċjenti, jilqa’ b’sodisfazzjoni r-ruling tal-Ispeaker u jaqbel mal-proposta tal-Oppożizzjoni. Hu qal li l-gvern se jkun qed janalizza jekk ix-xhud kiex mitkellem mill-Awditur Ġenerali u jekk issemmiex fir-rapport. Il-pożizzjoni tal-gvern se jkun qed jitlob lill-Awditur Ġenerali lista tal-persuni li kienu mitkellma minnu.
Il-Ministru Clayton Bartolo qal li fil-PAC m’hemmx Gvern u Oppożizzjoni u għalhekk għandu jkun hemm qbil bħala kumitat.
Il-Kumitat qabel mal-proposta tal-Oppożizzjoni biex għadda għad-diskussjoni dwar l-ewwel erba’ ismijiet li l-Oppożizzjoni tixtieq ittella’ għas-seduta li jmiss. L-ewwel erba’ xhida huma l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa biex jixhed dwar l-investigazzjonijiet tal-Eectorgas, Lara Boffa, ex membru tal-Bord tal-Enemalta, l-ex Ministru Edward Scicluna u Raymond Fenech direttur tal-Electroas u GEM Holdings Ltd biex jixhed u jippreżenta wkoll dokumentazzjoni rilevanti.
Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield talab sospensjoni tal-laqgħa.
Quddiem il-kumitat sar intervent mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara li qal li l-NAO mhux korp investigattiv u għalhekk ftit jagħmlu laqgħat ma’ nies; fil-fatt f’din l-investigazzjoni l-NAO tkellem biss ma’ sitt persuni.
Il-membri Laburisti fil-PAC oġġezzjonaw għall-Kummissarju tal-Pulizjja minħabba li skont huma l-PAC jinvestiga l-kontijiet pubbliċi u ma jitrattax l-investigazzjonijiet tal-pulizija. Il-membri tal-gvern aċċettaw li l-ex ministru Edward Scicluna u d-direttur tal-Electrogas Raymond Fenech jixhdu filwaqt li ma rawx rilevanza ta’ Lara Boffa f’dan il-proċess. Ma jirriżultax li Lara Boffa kienet mitkellma mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u lanqas kien hemm korrispondenza magħha.
Il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni David Agius qal li r-rilevanza tax-xhieda toħroġ mix-xhieda tal-istess xhieda wara li dawn jitressqu quddiem il-PAC. Hu qal li Lara Boffa kienet membru fil-Bord tal-Enemalta meta ddiskuta r-rapport. tal-Electrogas.
Il-Ministru Clayton Bartolo ppropona li jitla’ ċ-Chairman tal-Bord tal-Enemalta qabel jinstemgħu xhieda oħra. L-intenzjoni li tittella’ Lara Boffa diġà tinsab fid-dominju pubbliku u għalhekk għandu jittella’ biss iċ-Chairman, sostna Bartolo.
Iċ-Chairman Darren Carabott sostna li llum l-Oppożizzjoni ppreżentat ix-xhieda u l-iskop li fuqu dawn se jixhdu u qal li jekk il-membri tal-gvern se jibqgħu joġġezzjonaw u jieħu din il-linja, allura l-kumitat mhux se jaħdem.
Hu sostna li Lara Boffa hi waħda minn ħames membri tal-Bord tal-Enemalta u żied li b’din il-linja jista’ jkun perikoluż li x-xhieda tkun preġudika. Id-deputat Nazzjonalista qal li jirriżulta li Lara Boffa hi l-uniku membru tal-Bord tal-Enemalta li vvutat kontra l-għażla tal-Electrogas u għalhekk għandha tittella’ quddiem il-PAC. Hu sostna li l-PAC għandu jinteressa ruħu għaliex Lara Boffa ivvutat kontra.
Il-Whip Laburista Andy Ellul qal li din mhix linja perikoluża anzi l-Gvern irid li jagħlaq din l-investigazzjoni kemm jista’ jkun malajr.
Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield insista li jittieħed vot fuq kull persuna waqt li l-Whip Laburista Andy Ellul qal li m’hemmx oġġezzjoni li tittella’ tixhed Lara Boffa iżda l-ewwel għandu jixhed iċ-Chairman u warajh il-membri kollha tal-Bord.
Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal li għall-fini ta’ effiċjenza, l-Oppożizzjoni pproponiet lil Lara Boffa iżda m’għandiex oġġezzjona li jittella’ l-Bord kollu tal-Enemalta.
Il-kumitat qabel li għandu jissejjaħ il-Bord kollu tal-Enemalta li kien iddeċieda dwar l-Electrogas.
Dwar il-Kummissarju tal-Pulizija, il-membri tal-Gvern naqgħu jsostnu li l-PAC m’għandux il-poter li jinvestiga lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni David Agius qal li l-Oppożizzjoni se ssaqsi lill-Kummissarju jekk ir-rapport tal-NAO wassalx lill-Kummissarju dwar xi passi li setgħet ħadet il-Pulizija. Il-Kummissarju tal-Pulizija se jkun mistoqsi mill-Oppożizzjoni jekk qarax ir-rapport u jekk għamilx investigazzjoni dwar dan il-kuntratt. Il-PAC għandu dritt li jtella’ lill-Kummissarju tal-Pulizija, sostna l-Viċi-Kap David Agius, li indika li se jerġa’ jintalab ruling mingħand l-Ispeaker dwar dan.
Id-deputat Laburista Alex Muscat qal li n-NAO m’għamilx riferenza li kien hemm bżonn ta’ intervent tal-pulizija.
L-Awditur Ġenerali intervjena u qal li kull rapport tal-NAO jintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija, speċjalment taħt dan il-Kummissarju Gafa fejn ikunu diskussi anki partijiet mir-rapporti.
Iċ-Chairman Darren Carabott qal li l-Oppożizzjoni trid tressaq lill-Kummissarju tal-Pulizija għaliex hu fl-interess pubbliku u tal-kumitat li jsir magħruf jekk il-Pulizija flietx dan ir-rapport. Hu ressaq emenda għall-proposta tal-Oppożizzjoni biex il-Kummissarju tal-Pulizija jixhed dwar ir-rapport tal-NAO.
Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jixhed dwar kif intefqu flus il-poplu u jekk sarux investigazzjoni dwar dan.
Id-deputat Laburista Alex Muscat qal li l-Puliizja diġà ddikjarat fit-12 ta’ Jannar 2022 li m’humiex qed isiru investigazzjonijiet marbuta ma’ dan il-każ.
Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal li d-deputat Laburista Muscat ma kienx qed jikkowta b’mod korrett l-istess artiklu għaliex ir-rapport fil-media jitratta l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u mhux l-investigazzjonijiet dwar l-Electrogas. Graham Bencini nsista li fil-minuti jitniżżel li dak li qal Alex Muscat ma kienx minnu.
Il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni David Agius rrifera għall-appell tal-Ispeaker biex jinstabu s-soluzzjonijiet u sostna li quddiem din is-sitwazzjoni tal-oġġezzjoni tal-Gvern għax-xhieda tal-Kummissarju tal-Pulizija. Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal li l-Oppożizzjoni se titlob ruling mingħand l-Ispeaker dwar dan.
Alex Muscat qal li l-gvern iħoss li m’hemm bżonn ruling għaliex l-Ispeaker diġà ta ruling.
Wara din id-diskussjoni l-PAC ddiskuta s-suġġett li l-gvern irid jibda jiddiskuti bħala alternanza. Il-Whip Laburista Andy Ellul qal li l-gvern se jkun qed jiddiskuti l-faqar iżda ma joġġezzjonax li l-PAC jibda jisma’ x-xhieda tal-Electrogas.
//= $special ?>