L-Iżvezja u l-Finlandja – li qed iwarrbu l-politika antika tan-newtralità minħabba t-theddida tar-Russja — fl-aħħar jiem organizzaw numru ta’ manuvri u eżerċizzji militari bi tħejjija għall-potenzjal ta’ aggressjoni fil-konfront tagħhom .It-tħejjijiet militari spikkaw ukoll f’eżerċizzju navali konġunt – u bis-sehem ta’ pajjiżi oħra — waqt li s-sitwazzjoni fir-reġjun qed issir dejjem aktar imprevedibbli.
Il-qawwiet tal-Iżvezja u l-Finlandja, issa, issieħbu ma’ truppi minn 14-il pajjiż tan-NATO għal sensiela ta’ ‘war games’, fost it-tensjoni relatata għat-theddid tal-President Russu Vladimir Putin li qal li jrid ‘jaħtaf lura bi dritt lil diversi territorji ‘il hinn mir-Russja’.
Minbarra l-qawwiet Skandinavi, xi 7,000 suldat u 45 bastiment tal-gwerra qed jieħdu sehem fl-eżerċizzji militari bi sfida għar-Russja – u wara li Moska wissiet li ‘kapaċi tattakka lir-reġjun bin-nukleari fi kwistjoni ta’ sekondi’.
Dan waqt li l-qawwiet armati tal-Iżvezja komplew jitħarrġu mas-suldati tal-Istati Uniti f’manuvri intiżi għad-difiża tal-gżira ta’ Gotland li għandha importanza strateġika kbira f’zona lejn in-nofsinar tal-Baħar Baltiku,
U waqt li l-gwerra fl-Ukrajna għadha għaddejja fuq diversi fronti, il-Finlandja baqgħet tisfida lil Vladimir Putin b’dawn il-manuvri — u wara li l-President Russu wissa lill-President Finlandiż, Sauli Niinisto, li pajjiżu ‘ikun qed jiżbalja jekk jissieħeb tassew fl-Alleanza tan-NATO’.
Sadanittant, Mark Milley, Ġeneral ewlieni tal-Armata Amerikana, sostna li l-isħubija tal-Iżvezja u l-Finlandja fin-NATO għandha tqiegħed lir-Russja f’sitwazzjoni militari diffiċli ħafna fil-Baħar Baltiku u l-madwar. Dan għaliex il-pass ikun ifisser li l-artjiet tal-kosta mal Baħar Baltiku – ħlief għal ftit zoni madwar l-ibliet Russi ta’ Kaliningrad u San Pietruburgu – jispiċċaw iċċirkondati mill-Istati-membri tal-Alleanza tal-Punent.
//= $special ?>