Il-Papa Franġisku qal li l-użu tal-merċenarji mir-Russja waqt il-gwerra fl-Ukrajna qed jinvolvi ‘azzjoni mostruża kontra poplu’ . Dan waqt li l-Kap tal-Kattoliċi kien qed jesprimi l-aħħar ħsibijiet tiegħu dwar il-konflitt mal-gazzetta Taljana La Stampa.
Ir-Russja – sa mill-bidu tal-invażjoni – ingaġġat numru sinifikanti ta’ suldati miċ-Ċeċenja flimkien ma’ diversi ġellieda mis-Sirja biex iżidu l-pressjoni fuq id-difensuri Ukreni. Mifhum li ċ-Ċeċeni, fl-aħħar ġimgħat, kienu involuti f’diversi reati tal-gwerra fil-madwar ta’ Kiev u f’diversi bliet Ukreni oħrajn.
Intant, il-Papa suġġerixxa wkoll li l-gwerra fl-Ukrajna ‘setgħet kienet, b’xi mod, ipprovokata’ waqt li ma jeskludix li ‘seta’ ma sarx biżżejjed ( mill-Punent) biex ma jseħħx dan ix-xenarju tal-waħx’.
Iżda l-Kap tal-Kattoliċi, fl-istess ħin, fisser it-truppi tar-Russja bħala ‘krudili u feroċi’ u żied li l-Ukreni qegħdin jiġġieldu għal ħajjithom u għall-identità ta’ pajjiżhom,
Mistoqsi l-ħsieb tiegħu dwar il-President Russu Vladimir Putin, il-Papa Franġisku qal li ma riedx inaqqas mill-element ikkumplikat tal-gwerra għal distinzjoni bejn ‘it-tajjeb u l-ħażin’.
Sadanittant, il-Papa qed jittama li, f’Settembru, jiltaqa’ mal-Patrijarku Kirill, tal-Knisja Ortodossa Russa, fil-Kazakhstan. Dan meta Kirill huwa sostenitur tal-gwerra li qed imexxi l-President Putin u fejn esprima fehmtu kemm-il darba li l-Ukrajna hi ‘bi dritt’ parti mir-Russja.
//= $special ?>