Il-Ministeru tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss, qalet li pajjiżha se jagħmel minn kollox biex jinħelsu żewġ Britanniċi li nqabdu priġuniera fl-Ukrajna huma u jiġġieldu kontra l-qawwiet Russi u li spiċċaw ikkundannati għall-mewt bħala ‘merċenarji’.
Il-Britanniċi – Aiden Aslin u Shaun Pinner – spiċċaw ikkundannati għall-mewt bħala ‘merċenarji’ u qegħdin jiċħdu għal dan l-istatus — l-istess bħal raġel Marokkin, Saaudun Brahim, li ukoll kien qed jiġġieled fuq in-naħa tal-Ukreni u li bħalhom qed jiffaċċja sentenza tal-mewt.
It-tlieta kienu kkundannati li jħallsu b’ħajjithom minn qorti fl-hekk-imsejħa Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk, fil-lvant tal-Ukrajna, u li partijiet kbar minnha huma kontrollati mill-ġellieda separatisti favur ir-Russja.
Min-naħa tagħha, ir-Russja qalet li r-Renju Unit għandu jidħol ‘fi trattativi mar-Repubblika ta’ Donetsk’ jekk irid li jsalva tassew il-ħajja tal-priġunieri. Intant, l-hekk-imsejħa repubblika hi rikonoxxuta biss minn Moska u ma tgawdi l-ebda għarfien mill-Punent – wisq anqas mill-Gvern tar-Renju Unit.
Il-media tar-Russja, fl-istess ħin, qed tipprova tirredikola lir-Renju Unit f’din is-sitwazzjoni fost il-kummenti minn Moska li ‘il-Gvern ta’ Londra, fil-verità, mhu qed jagħmel xejn biex isalva lill-merċenarji Britanniċi mill-mewt’.
Intant, jidher li l-Gvern Britanniku ddeċieda biex ma jinnegozjax direttament mar-Russja biex jipprova jikseb il-ħelsien ta’ Aslin u Pinner. Il-Kremlin f’Moska qal li d-diplomati tar-Renju Unit, għalissa, ma daħlux f’kuntatti mar-rappreażentanti diplomatiċi tar-Russja – bil-Foreign Office ta’ Londra fl-ebda ħin ma jibgħat għall-Ambaxxatur Russu residenti fil-kapitali Britannika.
Kollox jindika, fl-istess ħin, li l-Foreign Office qed jinkwieta li ‘konfront bilaterali’ bejn Londra u Moska kapaċi jixpruna l-istqarrijiet foloz tar-Russja fis-sens li Aslin u Pinner huma tassew merċenarji Britanniċi.
//= $special ?>