Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Sitwazzjoni ddisprata għal eluf ta’ ċivili wara li Severodonetsk spiċċat iżolata mill-bqija tal-pajjiż

L-evakwazzjoni ta’ ċivili u t-truppi mill-belt ta’ Severodonetsk qed issir dejjem aktar diffiċli waqt li l-qawwiet tar-Russja qegħdin jippruvaw jaħtfu l-kontroll assolut ta’ din il-belt fir-reġjun ta’ Luhansk, fil-Lvant tal-Ukrajna.

Fil-fatt, is-sitwazzjoni saret aktar ikkumplikata għall-Ukreni li għadhom f’Severodonetsk peress li r-Russi, issa, qerdu l-pontijiet kollha li kienu jservu bħala aċċess lejn din il-belt li ilha jiem sħaħ taħt assedju kontinwu.

Dan meta l-battalji għall-kontroll ta’ Severodonetsk qegħdin jissarrfu, bil-mod il-mod, fi kriżi umana bħal ta’ Mariupol – il-belt Ukrena fejn ir-residenti ċivili kienu damu l-ġimgħat ibatu l-bumbardamenti kontinwi tar-Russi u fejn spiċċaw ukoll mingħajr provvisti tal-ikel u ilma tajjeb għax-xorb.

L-uniku xaqq ta’ dawl għaċ-ċivili f’Severodonetsk hu li l-awtoritajiet Ukreni f’din il-belt jistgħu xorta jagħmlu l-kuntatti ‘mad-dinja ta’ barra’. Dan minkejja li Severodonetsk spiċċat, effettivament, iżolata mill-bqija tal-pajjiż minbarra li ċirkondata mit-truppi Russi.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Ukreni qed jippruvaw xorta waħda jevakwaw liċ-ċivili minn Severodonetsk u fejn qegħdin jieħdu ‘kwalunkwe ċans possibbli biex isalvaw il-ħajja tal-innoċenti’.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat, għexieren ta’ Ukreni spiċċaw evakwati minn Lysychansk – belt oħra viċin ta’ Severodonetsk — u l-madwar, bl-awtoritajiet fiz-zona jfissru s-sitwazzjoni hemmhekk bħala ‘qigħ tal-infern’ peress li r-Russi mhumiex jieqfu mill-offensiva fuq l-inħawi.

Iżda waqt li l-Armata tal-Kremlin qed issostni l-attakk fuq Lysychansk, din il-belt – li għandha importanza strateġika daqs Severodonetsk – sal-bieraħ kienet għadha tirreżisti l-qilla tal-qawwiet Russi.