Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Zelensky jammetti li pajjiżu qed iħallas prezz qares ħafna f’ħajja mitlufa

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, waqt l-aħħar diskors lin-nazzjon, fisser l-azzjonijiet tar-Russi fl-Ukrajna bħala ‘aġir mill-aktar malinn’ u ammetta li l-Ukreni qed iħallu prezz qares ħafna f’ħajja mitlufa fost il-battalji kontinwi fir-reġjun tad-Donbas.

Fil-fatt, Zelensky  u l-osservaturi barranin qed jgħidu li l-ġlied fid-Donbas jinvolvi l-agħar inċidenza ta’ battalji fl-Ewropa miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Sadanittant, il-President Ukren mill-ġdid talab lill-Punent biex jibgħat aktar armamenti ta’ kalibru qawwi ‘ħalli jgħin lill-Ukreni biex iwaqqfu t-tortura ta’ nieshom fid-Donbas.

Il-battalji, bħalissa, għaddejjin ukoll fuq fronti oħra tal-gwerra fost rapporti li l-qawwiet tar-Russja x’aktarx li għamlu xi avvanzi żgħar fir-reġjun ta’ Kharkiv għall-ewwel darba wara diversi ġimgħat.

Kharkiv hi t-tieni l-akbar belt tal-Ukrajna u kienet fost l-ewwel bliet li sfaw attakkati mit-truppi tal-Kremlin wara l-invażjoni ta’ dan il-pajjiż, fl-24 ta’ Frar.