Lokali Parlament

Il-Ministru tat-Turiżmu sieket fuq infieq żejjed ta’ €20 miljun mill-MTA

Robert Cutajar, PN

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Ministru Bartolo ma semma’ xejn dwar l-infieq ta’ €20 miljun mill-MTA u sostna li l-Ministru Clayton Bartolo qed juri nuqqas ta’ kontabbiltà fil-mod kif titmexxa l-MTA.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-estimi tal-MTA, Robert Cutajar spjega li kien Gvern Nazzjonalista li beda l-ħidma dwar bajjiet Blue Flag f’Malta.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Air Malta għandha żewġ ajruplani inqas li qed jeffettwaw il-frekwenzi. Hu żied li l-gvern mhux jispjega kif qed jagħmel dawn il-ftehim ma’ timijiet barranin tal-football u taċ-ċikliżmu.

Id-deputat Nazzjonalista kkritika lill-Ministru Bartolo għall-infieq li wettaq qabel l-aħħar elezzjoni u staqsa jekk dawn kinux parti mill-€30 miljun infieq żejda mill-MTA.

Hu kompla li l-gvern qiegħed tard ħafna biex jitratta l-kwalità; ID Malta qed tfixkel u mhux tgħin lill-operaturi turistiċi. ID Malta mhux qed tifhem l-importanza tat-turiżmu fil-pajjiż għalkemm ma’ ċertu individwi qed ikun hemm trattament preferenzjali biex jimpjegaw in-nies.

Robert Cutajar kompla li l-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet qed jeffettwa li kulħadd tant li kien hemm żieda ta’ 40% fil-prezzijiet tal-manutenzjoni. Hawn numru ta’ lukandi li għadhom ma fetħux minħabba li għadhom taħt l-impatt tal-COVID 19.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-indafa u qal li l-Qawra, l-Mellieħa u San Pawl il-Baħar huma lokalitajiet li fihom m’hemmx l-indafa.

Dwar Kemmuna, id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern ilu iktar minn sena konxju mill-problemi ta’ abbużi li hemm f’Kemmuna iżda l-gvern m’għamel xejn. L-Oppożizzjoni daħlet ilment quddiem l-Ombudsman dwar dan iżda l-Gvern sfida lill-Ombudsman meta kien qed isir konkos bil-konsegwenza ta’ sfreġju ambjentali.

Robert Cutajar kompla li l-gvern kisser diversi niċeċ turistiċi fosthom dik ambjentali u nsista li Selmun u l-Imġiebaħ jibqgħu tal-poplu u mhux jingħataw lil xi ħadd viċin il-gvern.

Il-Palazz ta’ Selmun qed jaqa’ biċċiet, sostna Robert Cutajar, li kompla li meta kien fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Clayton Bartolo kien waqqaf proċess biex Forti Campbell tgħaddi għand il-kunsill biex issa tinsab abbandunata.

Meta tkellem dwar il-moll tal-Marfa minn fejn jitilqu d-dgħajjes għal Kemmuna, Robert Cutajar qal li x-xogħol ilu mibdi sena bil-konsegwenza li l-moll llum hu magħluq.

Dwar il-Bajja tal-Għadira, hu qal li fl-aħħar tliet snin ma kinux preżentati l-istudji ambjentali dwar dan il-proġett. Hu kkritika x-xogħlijiet li qed isiru fit-Triq tal-Għadira u qal li Gvern Nazzjonalista ġab il-Blue Flag f’Malta waqt li taħt Gvern Laburista din kienet se tintilef.

Id-deputat Nazzjonalista appella lill-Gvern biex jikkunsidra l-proposti tal-PN fit-turiżmu.