Il-Partit Nazzjonalista jrid jara li l-professjonisti fil-qasam finanzjarju ma jiffaċċjawx aktar burokrazija għax din qed tkompli tagħmlilhom il-ħidma tagħhom diffiċli.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul laqgħa li kellu ma’ rappreżentanti mill-Istitut tal-Professjonisti fis-Settur Finanzjarju, mill-Istitut Malti tal-Accountants u mill-Istitut Malti tat-Tassazzjoni … li min-naħa tagħhom spjegawlu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom il-professjonisti li jirrappreżentaw.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sema’ kif dan is-settur qed jiffaċċja nuqqas ta’ riżorsa umana f’diversi setturi, fosthom l-accountancy.
Dan qed iseħħ l-aktar minħabba li l-burokrazija qed tagħmilha diffiċli biex ikunu attirati professjonisti ġodda barranin.
Barra minn hekk, il-professjonisti qed isibu aktar ostakli minħabba li l-awtoritajiet qed ikunu aktar eżiġenti magħhom, fost l-oħrajn bi żjarat kontinwi fl-uffiċċji tagħhom.
Iżda filwaqt li hu importanti li dawn iż-żjarat isiru, dawn għandhom ikunu l-eċċezzjoni u mhux in-norma. U huwa għalhekk li l-awtoritajiet tal-Gvern għandhom ikunu aktar ikkordinati bejniethom.
Bernard Grech irrikonoxxa l-fatt li s-settur finanzjarju għandu diversi sfidi u huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jkun kontinwament qed jisma’ u jaġixxi biex pajjiżna jkun jista’ jiżviluppa.
Hawn, issemma’ l-bżonn tal-għaxar setturi ġodda, fosthom tal-igaming u l-metaverse, li qed jimbotta ‘l quddiem il-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat ghal din il-laqgha mill-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia u mill-Kelliem għall-Ekonomija u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda Ivan J. Bartolo.