Il-komunitá sportiva tal-football Maltija u l-Floriana dalgħodu taw l-aħħar tislima lil Mark Piscopo ‘Il-Lullu’ b’quddiesa presente cadavere fil-Knisja Arċipretali ta’ San Publju fil-Floriana.
Flimkien mal-familja Piscopo, għal din l-quddiesa attendew fost l-oħrajn il-President Emeritu George Ablea, l-uffiċjali tal-MFA, il-players tat-tim nazzjonali Malti, il-kumitat u l-players ta’ Floriana FC, ex membri tal-kumitat ta’ Floriana FC, ex players tal-klabb u tat-tim nazzjonali u numru kbir ta’ sportivi li kienu viċin Mark Piscopo.
Il-funeral ta’ Mark Piscopo sar propju f’għeluq it-52 sena tiegħu; perjodu li fihom Piscopo serva bħala Kit Manager ta’ Floriana FC, fil-kumitat ta’ Floriana FC, fil-Floriana Nursery u bħala Kit Manager tat-tim nazzjonali Malti. Il-mewt ta’ Mark Piscopo ħasdet lil kulħadd għall-fatt li din seħħet kaġun ta’ marda qasir li sofra. Tul dan il-perjdou l-komunità sportiva u players minn diversi timijiet urew is-solidarjetà miegħu bi żjarat fl-Isptar Mater Dei fejn anki ppreżentwalu flokkijiet iffirmati tat-timijiet rispettivi.
Fl-omelija, il-konċelebrant Arċipriet tal-Floriana Dun Charles Cini tkellem fuq il-kwalitajiet ta’ Mark Piscopo u qal li Piscopo kien bniedem maħbub minn kulħadd; bniedem li jnissel ferħ f’dawk kollha viċin tiegħu. L-Arċipriet tkellem ukoll dwar it-tgħalimiet li kulħadd għandu jieħu minn dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli tal-ħajja.
Fi tmiem il-quddiesa, fuq it-tebut ta’ Piscopo tpoġġet bandiera ta’ Floriana FC bil-mijiet ta’ persuni li attendew għall-funeral japplawdu lil Piscopo f’dan l-aħħar vjaġġ tiegħu fil-Floriana. It-tebut ta’ Piscopo nġarr fuq l-ispallejn minn ħbieb tiegħu li kien ikun magħhom kuljum fil-Floriana FC Nursery.
Hekk kif ħareġ mill-Knisja ta’ San Publju, it-tebut ta’ Mark Piscopo sab tistennih folla kbira ta’ nies li sellmulu b’aktar ċapċip u tfiegħ ta’ fjuri. Mill-knisja t-tebut ittieħed quddiem il-każin ta’ Floriana FC fejn il-kumitat u l-players taw l-aħħar tislima lil Piscopo. II-President ta’ Floriana FC Johann Said poġġa flokk bil-kliem ‘Lullu..Kuraġġ… I love this game’ fuq it-tebut tiegħu. Dawn il-kliem kienu sinonimi ma’ Piscopo tul ħajtu fil-football. Fil-Floriana kollha, il-bnadar ttajru mezz’asta.
Minn Fuq il-Fosos, il-komunità tal-Floriana nġabret fi Triq Sant Anna fejn reġgħet sellmet lil Mark Piscopo quddiem il-Każin Vilhena b’ċapċip emozzjonanti.
Mill-Floriana, it-tebut ta’ Mark Piscopo ttieħed fit-training grounds tal-MFA fejn tant ħadem bħala Kit Manager tat-tim nazzjonali Malti. Hemmhekk saret ċerimonja li attendew l-uffiċjali tal-MFA mmexxija mill-President Bjorn Vassallo flimkien mal-Viċi-President Matthew Paris, il-players tat-tim nazzjonali Malti u l-istaff tekniku tal-MFA.
Fi tmiem din iċ-ċerimonja, il-funeral kompla f’forma privata.



