Formula 1 Sport

Lewis Hamilton jgħid li se jtellaq fil-Kanada

(Ritratt: EPA)

Minkejja uġieh f’daru u rapporti li s-seba’ darbiet champion tad-dinja Lewis Hamilton jista jkun li ma’ jsuqx fil-Grand Prix li jmiss fil-Kanada, f’kummenti lill-midja huwa kkonferma li issa jinsab ħafna aħjar u lest li jikkompeti f’Montreal bl-ewwel provi jkunu nhar il-Ġimgħa li ġej.

Hamilton deher miġuħ fi tmiem il-Grand Prix ta’ Baku nhar il-Ħadd li għadda, f’tellieqa li fiha spiċċa fi-raba’ post u li ddeskriva bħala l-aktar waħda diffiċli fil-karriera tiegħu. Hamilton ikkonferma li t-taqtiegħa tiegħu mal-karozza sabiex kemm jista jkun inaqqas mill-qbiż speċjalment meta l-karozza tilħaq veloċitajiet b’saħħithom, ikkawżalu uġiħ u skumdità fl-ispina. It-tekniċi tal-Mercedes wara l-Grand Prix ta’ Spanja kienu qalu li kienu solvew il-problema li l-karozza ma’ tibqax stabbli meta tilħaq veloċità massima iżda jidher li din reġgħet tfaċċat f’Baku u din id-darba kellha konsegwenzi fuq Hamilton.

Huwa mifhum li dawn il-problemi, li qed jaffaċċjaw anke timijiet ġejjin minn numru ta’ regolamenti ġodda fid-disinn tal-karozza li t-tmexxija tal-Formula 1 kienu qalu li qed jimplimentaw sabiex ikun hemm aktar kompetizzjoni eċitanti bejn is-sewwieqa.