Il-filmati tas-CCTV kienu kkorroboraw dak li qal l-allegat vittma ta’ ħtif f’Jannar li għadda, xehed l-ispettur tal-pulizija li qed imexxi l-każ li kien seħħ fir-Rabat. L-Ispettur Roderick Attard kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Christian Borg ta’ 28 sena (ritratt lemin) sid ta’ No Deposit Cars Malta, Thorne Mangion ta’ 27 sena, Tyson Grech ta’ 26 sena, Burton Azzopardi ta’ 20 sena, Jeremy Borg ta’ 20 sena u Luke John Milton ta’ 25 sena li qed iwieġbu mhux ħatja tal-allegat involviment tagħhom fil-ħtif.
F’seduta fil-bidu tas-sena, il-vittma, Carlos Schembri kien irrakkonta l-kalvarju li għadda minnu meta tkaxkar mill-karozza Mercedes tiegħu waqt li kien qiegħed barra l-garaxx tiegħu fir-Rabat, u mbagħad ispiċċa twaddab ġo Peugeot Traveller bajda li kienet misjuqa lejn Kordin.
Tul it-triq kien interrogat minn dawk li ħatfuh dwar l-involviment suspettat tiegħu fis-serq ta’ vann mill-kumpanija tal-karozzi ta’ Borg u spiċċa biex daqqa ta’ ponn, bis-sieq u mhedded kull meta ċaħad li kien hu li wettaq is-serqa. Il-mobile tiegħu ġie maħtuf mill-pussess tiegħu u l-kontenut tiegħu ġie wkoll ċċekkjat.
Iż-żagħżugħ kien qal li aktar tard kien trasferit għal ġewwa vann ieħor, Mercedes Sprinter blu, qabel ma reġa’ beda l-vjaġġ. Irnexxielu jaħrab meta l-grupp waqaf f’pompa tal-petrol tal-Fgura biex jagħti l-fjuwil. Id-dinamika tal-inċident ġiet irrakkontata fil-qosor it-Tlieta minn wieħed mill-uffiċjali investigattivi, l-Ispettur Roderick Attard, li xehed meta kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza.
Huwa qal li wara li rċieva rapport tal-inċident fl-għassa tar-Rabat, kien żar il-garaxx fejn beda l-episodju, u kkonferma li ma kien naqas xejn mill-garaxx tal-vittma. Il-verżjoni ta’ Schembri kienet ikkorroborata minn filmati tas-CCTV, qal l-ispettur.
Aktar tard, irriżulta li l-allegat ħtif kien marbut ma’ inċident ieħor irrappurtat fl-għassa ta’ Raħal Ġdid dakinhar stess. Dak ir-rapport kien ippreżentat minn Joseph Camenzuli u kien jikkonċerna xi partijiet ta’ vetturi li kienu nstabu ġewwa garaxx.
l-Pulizija kienu bagħtu għal Christian Borg li tfaċċa bil-mobile ta’ Schembri, u sostna li l-apparat kien fih provi li juru li Schembri kien involut f’serq ta’ vann. Borg għadda t-telefon ċellulari ta’ Schembri lill-pulizija. L-IPhone 13 tiegħu stess ukoll spiċċa maqbud.
Ix-xhud esebixxa wkoll kopji ta’ listi ta’ sejħiet li huwa ċempel minn fuq il-mobile. L-avukati difensuri Michael Sciriha u Giannella de Marco, ġibdu l-attenzjoni tar-riżervi tagħhom fid-dawl tal-fatt li tali provi jistgħu possibilment jirriżultaw fi ksur tad-drittijiet kostituzzjonali tal-akkużat.
Dik ir-riżerva kienet ukoll irreġistrata mill-avukat Franco Debono u Jason Grima fir-rigward tal-klijenti rispettivi tagħhom. Il-prosekuzzjoni esebit ukoll ‘pen drive’ li kien ingħata minn oħt il-vittma meta xehdet aktar kmieni fil-proċeduri.
Fuq talba minn wieħed mill-avukati difensuri, il-qorti aċċessat il-kontenut ta’ dik il-pen drive, u kkonfermat li kulma kien fih kienu żewġ screenshots. Hekk kif is-seduta waslet fi tmiemha, l-avukat Matthew Xuereb informa lill-Qorti li kien ippreżentat rikors f’isem l-akkużat Luke John Milton li kien lest jixhed dwar it-talbiet li saru fil-każ.
Qal li Schembri kien qed jipprova jikkuntattja lis-sieħeb ta’ Milton u membri oħra tal-familja permezz tal-midja soċjali. L-avukat talab lill-qorti biex toħroġ Ordni ta’ Protezzjoni. Il-Maġistrat Monica Vella skedat is0seduta għal l-Erbgħa, speċifikament biex tittratta din il-kwistjoni, filwaqt li ordnat avviż tar-rikors ta’ Milton lill-Avukat Ġenerali, lill-Kummissarju tal-Pulizija u lil Schembri nnifsu.
Tnejn mill-akkużati kienu assenti waqt is-seduta tat-Tlieta fejn il-Qorti kienet infurmata li Jonathan Borg kien assenti minħabba li kien ma jiflaħx bil-Qorti tavża lill-avukat biex jiġi ppreżentat ċertifikat fi żmien 24 segħa filwaqt li Burton Azzopardi li fl-aħħar seduta kien ingħata l-permess biex isiefer, din id-darba kienu assenti mingħajr raġuni, skont kif ingħad fil-Qorti. Meta jkompli l-każ il-Qorti tkun trid spjegazzjoni għaliex Azzopardi ma kienx preżenti għas-seduta.
Il-każ innifsu jkompli fit-22 ta’ Lulju fid-9.00am. L-Ispetturi Roderick Attard u Sarah Kathleen Zerafa mexxew il-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati tal-AĠ Karl Muscat u Francesco Refalo. L-avukati Giannella de Marco, Gianluca Caruana Curran, Michael Sciriha, Franco Debono, Matthew Xuereb, Jason Grima, Stefano Filletti u Cristina Sutton, li huma avukati difensuri. L-Avukat Shaun Zammit deher parte civile.
//= $special ?>