Iż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija li jinsabu sospiżi u li fil-jiem li ġejjin għadhom jitressqu l-Qorti b’rabta mal-mewt ta’ raġel mill-Imtarfa f’Ġunju ta’ sentejn ilu, waqt li kien qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana huma l-Ispettur Stacy Gatt u s-Surġent Karl Vella Cassia. Huma kienu stazzjonati l-Għassa tar-Rabat.
Dawn iż-żewg uffiċjali tal-pulizija se jiffaċċaw akkużi kriminali quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke fis-siegħat jew il-jiem li ġejjin u mhux mistennija jitressqu l-Qorti b’arrest imma b’ċitazzjoni. Il-vittma kien Richmond Tong ta’ 35 sena. Il-każ kien seħħ fl-24 ta’ Ġunju 2020 meta Tong kellu bżonn l-assistenza medika waqt li kien qed jinżamm fil-lock-up, peress li deher li kien qiegħed ibati minn aċċessjoni.
Minkejja li ngħatat l-assistenza medika u ntuża defibrillator (AED), huwa kien miet fuq il-post. Tong kien ġie arrestat aktar kmieni minn żewġ units tar-Rapid Intervention Unit (RIU) wara li kien hemm suspett u waqfuh fejn fi tfittxija li saritlu kien instab fil-pussess ta’ sustanza allegatament kokaina.
Tong kien miet fil-lock-up tal-pulizija għall-ħabta tal-03:40. Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li ż-żewġ uffiċjali tal-pulizija ġew sospiż u nħarġu akkużi kriminali fil-konfront tagħhom wara li ġew konklużi l-inkjesta maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-pulizija b’rabta ma’ dan il-każ.
Il-familja ta’ Richmond Tong, mill-ewwel bdiet tgħid li riedet tkun taf x’wassal għall-mewt tiegħu u kienu talbu lill-qorti biex tagħtihom aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha li ħarġu waqt l-inkjesta. “Irridu nkunu nafu x’ġara dak il-lejl. Meta miet ma smajna xejn. Lanqas telefonata.
“Aħna ma nafu xejn u huwa ta ‘uġigħ li ma tkunx taf,” kienet qalet oħtu Maryjo Tong, u insistiet li ħuha ma kellu l-ebda kundizzjoni medika li kienet taf biha. Fl-5am dakinhar stess, ftit sigħat biss wara li miet, uffiċjal tal-pulizija ġie d-dar ta’ ommna biex jgħidilna li miet. Imma minn dak iż-żmien ma smajna xejn,” kienet qalet oħtu mbikkma.
Wara mewtu, infetħet inkjesta maġisterjali biex jiġi stabbilit x’ġara u issa li ġiet konkluża ġie deċiż li jitgressqu ż-żewġ uffiċjali. Kien intalab rapport tat-tossikoloġija biex ikun magħruf jekk Tong kienx taħt l-influwenza tad-droga meta miet. Omm Tong Monica, ħuh Ian u oħtu Maryjo kienu ressqu wkoll rikors quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, li kienet qed tagħmel l-inkjesta dwar mewtu.
Huma kienu talba aċċess immedjat għal dokumenti esebiti fil-proċeduri ta’ inkjesta u informazzjoni mill-pulizija dwar l-inċident. Il-Partit Nazzjonalista mill-ewwel kien sejjaħ għal inkjesta indipendenti dwar il-mewt tar-raġel arrestat, inklużi l-kawżi tagħha, jekk setgħetx tiġi evitata, u min kien responsabbli mill-prekawzjonijiet biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tar-raġel.
Il-PN kien staqsa wkoll jekk il-liġijiet u l-protokolli kollha ġewx osservati. L-avukati tal-familja ta’ Tong huma Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb. Il-qraba tal-vittma ħadu wkoll azzjoni legali, billi kienu ippreżentaw ittra ġudizzjarja kontra l-Ministru tal-Intern, il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat biex jitolbu kumpens.
.
//= $special ?>