Sport Waterpolo

Tliet logħbiet bla storja bejn timijiet ta’ livelli differenti

(Ritratt: Joseph Galea)
Sirens jikkonfermaw posthom fil-Kampjonat Premier

Rapport: Stewart Said

Sfortunatament it-tliet logħbiet tat-Tlieta fil-Pixxina Nazzjonali kkonfermaw biss dak li kien previst. Tliet konfronti milgħuba bejn timijiet li kienu superjuri wisq għall-avversarji. Intrebħu biss il-punti għall-fini ta’ klassifika tal-Fażi Preliminari imma fil-verità ftit kienu r-rebbieħa minn dawn il-konfronti.

Il-format preżenti jwassal għal dawn it-tip ta’ logħbiet medjokri, b’ċertu timijiet jippruvaw biss jillimitaw id-danni u oħrajn li jqisu l-logħba bħala sessjoni ta’ taħriġ. Wasal iż-żmien li jiġi diskuss serjament bejn il-klabbs, format li jwassal li jintlagħbu logħbiet kompetittivi.

Fl-ewwel logħba, wara li s-sena l-oħra lagħbu fl-Ewwel Diviżjoni għall-ewwel darba mill-1988, Sirens Mecca Marine kkonfermaw posthom fil-Kampjonat Premier għal din is-sena. Ir-rebħa faċli kontra Ta’ Xbiex tat it-tielet rebħa minn tlieta għat-tim ta’ Marko Orlovic u assigurat minn post mal-ewwel tlieta fi Grupp A.

Matthew Sciberras u Ken Erdogan taw vantaġġ doppju lil Sirens fl-ewwel sessjoni. Il-vantaġġ kompla jikber gradwalment b’Ta’ Xbiex Amigos inaqqsu d-distakk wara r-raba’ gowl ta’ Sirens.

L-għan ta’ Ta’ Xbiex kien biss li jillimitaw id-danni hekk kif speċjalment fit-tielet sessjoni, lanqas biss bdew jimpenjaw lil Thomas Micallef minħabba li bdew itemmu l-azzjoni mingħajr xutt. Sirens komplew ikabbru l-vantaġġ f’logħba bla storja.

San Ġiljan JP Projects kisbu t-tieni rebħa f’erbat ijiem kontra oppożizzjoni ta’ livell differenti.  Il-Ġiljaniżi kellhom bidu feroċi u skorjaw xejn anqas minn ħames gowls fl-ewwel nofs tal-ewwel sessjoni.

Dan il-vantaġġ witta t-triq għal logħba mingħajr interess, b’San Ġiljan isibu x-xibka mingħajr wisq diffikultà. Il-kowċ ta’ San Ġiljan Zeljko Kovacic kompla jagħmel ir-rotazzjoni fit-tim hekk kif il-logħba naqqset mil-livell milgħub. San Ġiljan komplew jiskorjaw fit-tielet sessjoni u kien biss fl-aħħar sessjoni li grazzi għal Jurgen Micallef, San Ġiljan ma kabbrux il-vantaġġ bil-wisq. Il-Ġiljaniżi skorjaw biss fl-aħħar permezz ta’ Darren Zammit.

Fl-aħħar logħba, Sliema Frank Salt rebħu 23-3 kontra Barracudas. Għalkemm sofrew telfa kbira, ta’ min wieħed jammira l-mod kif il-plejers ta’ Barracudas baqgħu jippruvaw jilagħbu sal-aħħar.

Is-Slimiżi skorjaw ħamsa mingħajr risposta fl-ewwel sessjoni. Barracudas skorjaw l-ewwel gowl tagħhom permezz ta’ Luke Galea lejn nofs it-tieni sessjoni wara li Sliema kellhom vantaġġ ta’ 10-0.

Għalkemm il-kowċ Slimiż Beto Fernandez beda jdawwar il-plejers, Sliema xorta baqgħu b’saħħithom wisq, biż-żagħżugħ Jayden Cutajar jirnexxilu jiskorja tripletta fl-aħħar sessjoni.

TA’ XBIEX AMIGOS………….. 3

SIRENS MECCA MARINE… 15

(0-2), (1-3), (0-5), (2-5)

Ta’ Xbiex: R. Coleiro, C.J. Saliba, E. Aquilina, Z. Cutajar Licari, E. Meli, S. Engerer, J. Saliba, J. Cassar, E. Schembri (3), B. Attard Littschwager, P. Tabone, J. Chircop, Z. Dzanovic, T. Fenech, J. Pace Mizzi

Sirens: T. Micallef, P. Serracino (1), K. Erdogan (2), J. Sciberras, J. Zerafa Gregory (2), G. Farrugia (5), M. Chircop (1), I. Riolo (1), J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (2), M. Azzopardi (1), M. Bonello Dupuis, G. Melillo, K. Agius

Referees: Andrea Doro, Richard Magri

SAN ĠILJAN JP PROJECTS.. 20

M’SKALA FISH AND FISH….. 2

(7-1), (5-0), (7-1), (1-0)

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, A. Galea (2), N. Schiavone (1), G. Bonavia, M. Zammit (1), B. Plumpton (3), D. Tully, J. Bonavia (3), N. Zammit (4), D. Zammit (3), N. Bonavia (1), G. Vassallo, M. Ortoleva (2), D. Fero

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, L. Falzon, P. Privitera, R. Greco, G. Galea, K. Navarro, M. Manara, D. Pace Lupi (1), G. Sammut (1), J. Ciantar, M. Carani, A. Muscat

Referees: Alessandro Roberti, Peter Balzan

SLIEMA FRANK SALT…… 23

BARRACUDAS………………. 3

(5-0), (7-1), (6-1), (5-1)

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (5), L. Galea, D. Rizzo (1), M. Meli, B. Cachia (3), J. Cutajar (4), M. Mifsud (1), J. Brownrigg (3), J. Gambin, Z. Mizzi (3), D. Zammit (2), A. Theuma, K. Borg (1)

Barracudas: C. Bugeja, A. Piccione, S. Camilleri, P. Micallef, D. Ciantar (1), R. Sciortino, S. Aquilina, L. Galea (1), D. Camilleri, J. Bugeja, A. Mifsud, T.J. Mifsud (1), M. Gouder, A. Grima Scott, L. Abela

Referees: Andrea Doro, Alex de Raffaele