Lokali Qorti

Tmien xhur ħabs u mmultat €4,000 talli hedded ħames Pulizija fl-Għassa tal-Qawra waqt li kien armat

Raġel ta’ 29 sena mis-Sudan ġie kkundannat tmien xhur ħabs u mmultat €4,000 wara li kontra l-parir tal-avukat tiegħu stess ammetta li nhar il-Ħadd li għadda fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra hedded ħames membri tal-Korp tal-Pulizija. Huwa wettaq dan ir-reat meta fil-pusses tiegħu flixkun tal-ħġieġ u sikkina.

Ftit wara li tressaq il-Qorti l-Avukat tal-Għajuna Legali tiegħu Chris Chircop qal li kien qed iwieġeb mhux ħati f’isem il-klijent tiegħu. Madankollu bl-ebda mod huwa ma kkondivida mal-pariri legali li ngħata. Saad Mohammed, residenti l-Marsa, ammetta li kien ardit u vjolenti fl-Għassa tal-Pulizija għall-ħabta tas-1.00pm. Ammetta li hedded, inġurja u rreżista bi vjolenza fil-konfront tal-Ispettur George Frendo li ressqu l-Qort, Surġent u tliet Kuntistabbli tal-Pulizija.

Ammetta wkoll li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li fixkilhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Akkuża oħra li ammetta għaliha hija li fl-istes ċirkostanzi ġarr żewġ armi li f’dan il-każ kienu flixkun u sikkina. L-Ispettur Frendo qal li s-sikkina kien fuq il-persuna tas-Sudaniż, u li nstabet moħbija fi ħwejjġu.

Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur l-uffiċċjali tal-Pulizija, liema talba kienet milqugħa. L-Avukat Chricop għamel verbal fis-sens li minkejja l-parir li huwa ta lill-klijent ma jammettix, dan spiċċa biex ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih.

Il-Qorti nnutat li Mohammed għal ħames darbiet wieġeb li huwa ħati anke wara li din tagħtu ċ-ċans biex jekk irid imur lura mill-ammissjoni tiegħu. Il-Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tal-flixkun u s-sikkina filwaqt li l-multa għandha titħallas b’mod immedjat u fin-nuqqas ta’ dan tiġi konvertita f’ħabs.