Liverpool iffirmaw lill-attakkant mill-Urugwaj Darwin Nunez mingħand Benfica għas-somma li tista titla għal total ta’ £85 miljun. L-akkwist ta’ Nunez jasal filwaqt li Liverpool jidher li se jkunu qed jitilfu lil Sadio Mane li kkonferma li mhux se jibqa mar-Reds, bil-klabb Ingliż diġa rrifjuta bosta offerti bl-aħħar waħda tkun ta’ madwar £30 miljun mingħand Bayern Munich għall-attakkant mis-Senegal.
Nunez, li għandu 23 sena, lagħab 41 logħba ma’ Benfica u skorja 34 gowl minn meta ngħaqad magħhom mingħand Almeria fl-2020, u l-istaġun li għadda kontra l-klabb il-ġdid tiegħu sab ix-xibka darbtejn fiż-żewġ logħbiet li Liverpool u Benfica lagħbu kontra xulxin fil-Kwarti tal-Finali tal-Uefa Champions League.
Mat-tim Nazzjonali tal-Urugwaj Nunez lagħab 11-il darba u skorja 2 gowls. Huwa sar it-tielet plejer mill-Urugwaj li se jkun qed jilbes il-flokk ta’ Liverpool wara Luis Suarez u Sebastian Coates.
