Il-futur ta’ Devis Mangia mistenni jkun ikkonfermat f’Malta, hekk kif sorsi li tkellmu ma’ Replay (Net Television), żvelaw li fis-sigħat li ġejjin l-Malta Football Association mistennija tidhol f’diskussjonijiet ghall-estensjoni tal-kuntratt eżistenti tal-kowċ nazzjonali Malti.
Fl-aħħar sigħat, Mangia kien fl-aħbarijiet wara li l-paġna tal-programm Replay żvelat l-ewwel fil-media lokali, l-interess ta’ NK Rijeka fil-kowċ nazzjonali Malti. Madankollu l-istess storja ta’ Replay żiedet tgħid li minkejja li l-klabb mill-ogħla diviżjoni Kroata qed jagħmel pressjoni biex jikkonvinċi lil Mangia jsir il-kowċ il-ġdid tagħhom, it-Taljan xorta waħda jippreferi jibqa’ għaddej bil-proġett eżistenti mal-MFA, li kellu l-bidu tiegħu f’Diċembru tal-2019.
Ftit tal-ħin biss wara li Replay (Net Television) ħabbar din l-istorja, il-bqija tal-media lokali rrappurtat l-interess ta’ NK Rijeka f’Mangia. Rapporti li dehru biss f’sezzjoni waħda tal-media lokali, saħansitra spekulaw li Mangia kien se jaċċetta l-offerta tal-klabb Kroat. Madankollu, is-sorsi ta’ Replay (Net Television) huma bil-wisq differenti, tant li l-kowċ il-ġdid ta’ NK Rijeka mistenni jkun l-Iskoċċiz Tam Courts, li sal-llum għandu kuntratt ma’ Dundee United.
Hu mifhum li wara li ħa kollox f’konsiderazzjoni, Mangia hu motivat li jkompli jaħdem fuq il-proġett ambizzjuz li kien fdat lilu mill-MFA u li sal-llum jorbtu b’kuntratt sa Diċembru tal-2023. Il-viżjoni fil-progetti teknici tal-MFA huma l-qofol fl-istrategija long-term tal-futbol Malti u espert fil-qasam bħal Devis Mangia huwa essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet għall-futur. L-impatt pożittiv li ħalliet il-ħidma ta’ Mangia u t-tim ta’ kowċis fiċ-Ċentru Tekniku f’Ta’ Qali fl-aħħar xhur se twassal biex mhux talli Mangia mhux se jħalli Malta, iżda se jkompli jaħdem bis-sħiħ biex il-livell tal-plejers u kowċis lokali jkompli jikber u nkomplu naraw progress.

L-istatistika skont ir-riżultati tal-partiti li fihom Mangia kien kowċ ta’ Malta mill-2020, turi biċ-ċar li sal-llum hu għandu l-aqwa rekord ta’ riżultati minn fost il-kowċis kollha li mexxew it-tim nazzjonali matul iż-żmien. L-aħħar partita kontra San Marino, immarkat is-26 logħba tiegħu ma’ Malta u mexxa lit-tim għal xejn inqas minn disa’ rebħiet u ħames dros. Taħt Mangia, Malta tilfet 12-il partita, skorjat 26 gowl u sofriet 41 gowl.
Interessanti l-fatt li minn dawn is-26 partita, 11-il logħba minnhom kienu partiti li ntlagħbu barra minn xtutna. Jekk normalment ir-rekord ta’ Malta, kull darba li lagħbna barra minn darna, ftit li xejn ikun pożittiv, taħt it-tmexxija tal-kowċ Taljan, it-tim nazzjonali rrnexxielu jbiddel in-norma. Dan għaliex fi 11-il partita, irnexxilna nirbħu darbtejn, u f’partiti li t-tnejn kienu kompetittivi. Fi tliet konfronti oħra minn dawn il-11-il logħba, irnexxilna niksbu dro biex b’hekk kellna total ta’ sitt telfiet.
Sebgħa mis-26 partita li fihom Malta kienet taħt il-gwida teknika ta’ Mangia, kienu konfronti ta’ ħbiberija. Minn dawn, Malta rebħet erbgħa u tilfet tlieta. Mangia mexxa lil Malta f’disa’ partiti tal-UEFA Nations League, u allura kontra pajjiżi li l-livell u l-FIFA ranking tagħhom, hu qrib tagħna. Minn dawn il-partiti, Malta ġabret total ta’ 15-il punt; erba’ rebħiet, tliet dros u żewġ telfiet.
Ironikament, fid-drabi li tlifna fil-UEFA Nations League, fid-darbtejn ġarrabna t-telfa b’gowls fl-aħħar tal-partita. F’Settembru tal-2020, f’dik li kienet l-ewwel partita ta’ Mangia bħala kowċ ta’ Malta, tlifna 3-2 kontra l-Gżejjer Faroe f’Tórsvøllur. Dakinnhar, sa tliet minuti mid-90 minuta, Malta kienet qed tirbaħ 2-1, iżda f’temp ta’ tliet minuti, l-avversarji tagħna skorjaw darbtejn, bil-gowl deċiżiv ta’ 3-2 kien skorjat minn free-kick dirett.
It-tieni u l-aħħar telfa sa llum fil-UEFA Nations League kienet dik ta’ ftit tal-jiem ilu, kontra l-Estonja f’Ta’Qali. Anke dakinhar, il-Maltin taħt it-tmexxija ta’ Mangia konna sfortunati, jew forsi mhux attenti biżżejjed, u sofrejna l-gowl li bih tlifna l-partita fl-aħħar ħinijiet. Kontra l-Estonja l-gowl tat-2-1 kien skorjat erba’ minuti fuq id-90 minuta.
Tul dan iż-żmien kollu fit-tmexxija tat-tim nazzjonali, Mangia għamel użu minn 43 plejer differenti, fosthom diversi żgħażagħ li kellhom d-debutt tagħhom ma’ Malta taħt it-tmexxija tal-eks kowċ tat-tim nazzjonali Taljan tal-21 sena. M’hemmx dubju din l-istatistika turi li matul din l-era ta’ tmexxija teknika, it-tim nazzjonali Malti adatta stil ta’ logħba aktar offensiva li qed thalli l-frott, iżda hu ġust ukoll li wieħed jirrikonoxxi li l-investiment li qed tagħmel l-MFA f’Mangia u l-istaff tekniku tiegħu, u li sal-llum kien l-aktar wieħed li qatt għamlet l-Assoċjazzjoni tal-futbol. Wara kollox l-Assoċjazzjoni dak hu xogħolha… tinvesti fil-futbol.
17173 SharesLikeCommentShare
//= $special ?>