L-attakkant Serb ta’ 30 sena Igor Nedeljković laħaq ftehim biex isir plejer ġdid ta’ Ħamrun Spartans, bl-indikazzjonijiet li għandha din il-paġna huma li se jirrappreżenta lill-klabb fil-kompetizzjonijiet Ewropej.
Sorsi qrib din it-trattattiva indikaw li l-ftehim mal-plejer hu li fi tmiem l-esperjenza ta’ Hamrun Spartans fl-Ewropa, Nedeljković se jirritorna f’Għawdex u jkompli bl-istaġun ma’ Nadur Youngsters F.C.
Filfatt jidher li, jekk dejjem l-Ispartans jiġu eliminati, l-klabb Għawdxi qed jistenna li Nedeljković jingħaqad mal-kumplament tal-iskwadra ta’ Nadur Youngsters F.C. mill-ewwel, bil-klabb mistenni jkollu attakk mill-iktar prolifiku bl-attakkant Serb flimkien mal-aqwa skorer tal-istaġun li għadda f’Għawdex, Marcelo Barbosa.
Min-naħa tagħhom, Ħamrun Spartans għadhom qed ifittxu attakkant, li eventwalment għandu jqatta’ l-istaġun mal-klabb. Id-deċiżjoni li jiġi ffirmat Nedeljković filfatt ittieħdet hekk kif it-tfittxija għal attakkant ieħor għadha ma ġietx konkluża.
Kien biss tlett’ijiem ilu li l-paġna ta’ Replay (Net Television) żvela li Nedeljković seta’ jibda esperjenza ġdida fil-Kampjonat Premier Malti, fi tmiem l-esperjenza tiegħu ma’ Ghajnsielem F.C. Madankollu, issa nistgħu nikkonfermaw li l-klabb li kien qed janalizza lil Nedeljković hu klabb ieħor li se jirrappreżenta lil pajjiżna fl-Ewropa, u mhux Ħamrun Spartans li finalment kisbu l-firma tiegħu.
Igor Nedeljković hu fost l-iktar plejers prolifiċi fl-istorja tal-futbol f’Għawdex, tant li f’żewġ staġuni minn tlieta ma’ Ghajnsielem F.C. temm l-istaġun bl-unur tal-Aqwa Skorer tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni f’Għawdex.
//= $special ?>