Il-belt prinċipali ta’ Severodonetsk fl-aħħar sigħat kompliet iġġarrab l-attakki tal-Armata Russa anki jekk ir-Russi wkoll, issa, qegħdin jaraw il-ħtieġa għall-evakwazzjoni ta’ ċivili mill-inħawi minħabba s-sitwazzjoni umana diżastruża li qed tiżviluppa.
Fil-fatt, ir-Russja impenjat ruħha biex tmexxi ‘għal 24 siegħa’ l-evakwazzjoni ta’ mijiet ta’ ċivili Ukreni li qed jistkennu mill-bumbardamenti f’faċilità għall-produzzjoni tal-kimiċi.
F’din il-faċilità, flimkien maċ-ċivili, hemm anki anki ammont sinifikanti ta’ suldati Ukreni. Dan meta s-sitwazzjoni hemmhekk qed tixbaħ dejjam aktar l-iżviluppi ta’ ġimgħat ilu f’Mariupol – belt oħra prinċipali tal-Ukrajna li waqgħet f’idejn ir-Russja wara assedju mdemmi u fit-tul.
Mhux ċar jekk il-qawwiet Russi f’Severodonetsk waqfux l-attakki għal biżżejjed żmien biex jippermettu għall-evakwazzjoni ta’ ċivili mill-faċilità. Fl-istess ħin, ħadd ma jaf xi pjani jistgħu għandhom ir-Russi għas-suldati Ukreni f’dan il-kumpless li huma determinati biex jiġġieldu sal-aħħar.
Intant, l-Armata Russa qalet li – bħala parti mill-evakwazzjoni — iċ-ċivili Ukreni kellhom jitwasslu minn Seredonetsk lejn ir-reġjun ta’ Luhansk li diversi zoni tiegħu huma kontrollati mill-ġellieda separatisti leali għal Moska.
Fl-aħħar żviluppi, is-servizzi sigrieti tar-Renju Unit qalu li r-Russja, issa, qed tikkontrolla l-parti kbira tal-belt ta’ Severodonetsk wara almenu xahar ta’ ġlied intensiv. F’każ li l-qawwiet Russi jirnexxilhom jieħdu l-kontroll assolut ta’ din il-belt, flimkien mal-belt ta’ Lysychansk fil-viċin, huma jkunu ħadu f’idejom ir-reġjun sħiħ ta’ Luhansk
Sadanittant, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li l-Alleanza tal-Punent se tkompli tissupplixxi lill-Ukrajna bl-armamenti ta’ kalibru qawwi biex jirreżistu għall-offensiva tar-Russja.
//= $special ?>

