Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, tkellem ukoll dwar il-qabża kbira fl-prezzijiet tal-ikel bħala kaġun tal-gwerra, waqt li enfasizza li l-hekk-imsejjaħ ‘spike’ fil-prezzijiet fuq livell globali hu konsegwenza diretta tal-ġlied li għaddej bħalissa fl-artijiet Ukreni.
Il-Kap tan-NATO fl-istess ħin ċaħad b’mod assolut l-istqarrijiet ta’ Moska li l-qabża fil-prezz tal-ikel hi konsegwenza tas-sanzjonijiet li l-Punent qed jimplimenta fuq ir-Russja b’riżultat tal-gwerra.
Meta kellem lill-ġurnalisti fi Brussell, Stoltenberg fakkar li l-esportazzjoni tal-ikel u l-qmuħ mill-Ukrajna tibqa’ kruċjali għall-aħħar u li ’il-gwerra qed tikkumplika aktar is-sitwazzjoni’. Hu anki kkritika lir-Russja talli ‘qed tipprova tibdel in-narrativa’ filwaqt li ssostni – mingħajr ma tressaq il-provi — li l-prezzijiet tal-qmuħ sparaw ‘il fuq minħabba s-sanzjonijiet.
Jens Stoltenberg ikkonkluda li bħalissa għaddejjin l-isforzi – fuq livell internazzjonali – biex jieqaf l-assedju tar-Russi fuq il-portijiet Ukreni mal-Baħar l-Iswed. Dan bil-għan li jistgħu jkomplu l-esportazzjonijiet tal-qmuħ mill-Ukrajna u meta t-Turkija qed isservi bħala protagonista fit-trattativi sensittivi.
//= $special ?>