Rapport minn entità indipendenti kkonferma li r-Russja daħħlet l-ekwivalenti ta’ 100 biljun ewro mill-bejgħ tal-fossil fuels lill-pajjiżi waqt l-ewwel 100 jum tal-gwerra fl-Ukrajna.
Sadanittant huwa wkoll sinifikanti li l-parti kbira ta’ dawn il-fossil fuels inxtraw mill-Istati tal-Unjoni Ewropea…L-istess Unjoni Ewropea li llum qed tfittex sorsi oħra tal-enerġija biex ma tibqax daqshekk dipendenti fuq l-enerġija tar-Russja.
Ir-rapport imħejji mis-Centre for Research on Energy and Clean Air (CREA) – ibbażat il-Finlandja – żvela li l-UE xtrat mal-61 fil-mija tal-fossil fuels li esportat ir-Russja għas-somma ‘kollettiva’ ta’ madwar 60 biljun ewro.
Skont ir-rapport, l-akbar pajjiżi importaturi, f’dan il-każ, kienu ċ-Ċina ( li fl-ewwel 100 jum tal-gwerra (fl-Ukrajna) xtraw bejn it-12 u s-16-il biljun ewro ta’ fossil fuel); il-Ġermanja, b’investiment ta’ 13-il biljuni fl-istess riżors u l-Italja ( disa’ biljuni).
Intant, ir-rapport iqajjem lok għal tħassib meta l-Ukrajna – permezz tal-President Volodymyr Zelensky – qed tħeġġeġ lill-Punent biex jaqta’ kull sors ta’ attività kummerċjali mar-Russja. Dan minħabba li l-flus iġġenerati minn Moska qegħdin jiffinanzjaw il-gwerra ta’ (il-President Russu) Vladimir Putin fl-artijiet Ukreni.
Fl-istess ħin, fl-aħħar ġimgħat, beda jidher nuqqas ta’ rieda għal azzjonijiet ‘jerġa’aktar konkreti’ minn xi pajjiżi Ewropej biex ‘jitfu tassew il-vit tal-finanzi lill-Kremlin ( ta’ Moska)’.
Dan minkejja li kmieni dan ix-xahar, l-UE kienet qablet biex twaqqaf il-parti kbira tal-importazzjoni taż-żejt mir-Russja anki jekk l-Ewropa tiddependi sew fuq dan ir-riżors partikulari.
//= $special ?>

