Lokali

Il-PN irid jara li l-anzjani jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba u mhux ikunu vittmi ta’ xi abbuż

Fil-Jum Dinji għall-Għarfien dwar l-Abbuż fuq l-Anzjani, illum titqajjem kuxjenza dwar il-bżonn li nipproteġu lill-anzjani tagħna minn kull forma ta’ abbuż, kemm dak fiżiku, emozzjonali, psikoloġiku u finanzjarju.

F’dan il-Jum, il-Partit Nazzjonalista jinnota kif, sfortunatament, qed naraw żieda fin-numru ta’ każi ta’ abbuż fuq l-anzjani, bl-aħħar ċifri juru kif fis-sena 2021 biss, f’Malta kienu rrappurtati aktar minn 320 reat fuq anzjani, li minnhom 70% kienu każi ta’ vjolenza domestika.

Barra minhekk, hemm każi oħrajn li ma nafux bihom minħabba li l-vittmi jibżgħu jirrapportaw, partikolarment minħabba li l-abbuż ikun ġej minn xi membru tal-familja jew minn min suppost ikun qed jieħu ħsieb il-kura u s-saħħa tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jara li f’pajjiżna kulħadd ikun qed jgħix kwalità ta’ ħajja tajba. Għaldaqstant, f’dan il-Jum Internazzjonali, itenni l-impenn li jara li f’pajjiżna ikun hawn strutturi legali u soċjali aktar b’saħħithom biex ikunu miġġielda dawn l-abbużi.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern għandu jinvesti f’aktar taħriġ għall-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur biex ikunu jistgħu jagħrfu aktar l-abbuż, kif ukoll f’aktar servizzi li jagħtu l-protezzjoni kollha meħtieġa lill-anzjani li jsiru vittmi ta’ xi tip ta’ abbuż.

Dan filwaqt li jibqa’ kommess li jara li dan il-Gvern iressaq quddiem il-Parlament il-Liġijiet dwar il-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli, kif wiegħed li se jagħmel, għall-ġid u l-protezzjoni tal-anzjani tagħna.