Lokali

Il-PN jgħid li l-Gvern irid juri li mhux fil-but ta’ xi żviluppatur jew spekulatur

Il-Partit Nazzjonalista jinnota n-nuqqas ta’ trasparenza li mexa biha l-Gvern fil-ħatra tal-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), b’mod partikolari dik taċ-Chairperson.

Minkejja li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni hi awtorità regolatorja, il-Gvern qabad u ħatar Chairperson mingħajr l-ebda konsultazzjoni pubblika u mingħajr ma l-persuna proposta ressqet għall-iskrutinju tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

Filwaqt li jinnota kif, hekk kif l-Awtorità staħbiet wara l-iskuża li ċ-Chairperson tagħha mhix inkluża fil-lista ta’ karigi li l-persuni nominati għalihom iridu jersqu għall-iskrutinju tal-Kumitat Parlamentari, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif din il-lista tista’ tinbidel – tiżdied jew tonqos – b’ordni tal-Prim Ministru.

Il-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Stanley Zammit saħaq li għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex jirtira l-ħatra taċ-Chairperson u li isem il-persuna jerġa’ jitressaq wara li din il-kariga tiżdied fil-lista u b’hekk ikun jista’ jsir l-iskrutinju mill-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll kif, minkejja li l-Awtorità hi responsabbli mill-bini u l-kostruzzjoni, il-persuna magħżula mill-Gvern bħala ċ-Chairperson għandna relazzjoni professjonali ma’ żviluppatur ewlieni.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif din l-Awtorità regolatorja twaqqfet wara li persuna tilfet ħajjitha u hafna oħrajn tilfu s-saqaf ta’ fuq rashom meta waqa’ l-bini tagħhom kawża ta’ xogħolijiet li kienu qed isiru fil-qrib. Hu għalhekk li l-Awtorità għandha ssegwi u tirregola l-industrja tal-bini u l-kostruzzjoni billi tippublika u tinforza linji gwida ta’ prattiċi tajbin, tipproċessa ilmenti, issegwi l-prestazzjoni, is-sigurtà u l-kwalità tal-bini, kif ukoll iżżomm reġistru ta’ dawk li jipprovdu servizz f’dan il-qasam.

Madankollu, il-Partit Nazzjonalista jinnota kif dan l-iskop ma jistax jintlaħħaq ladarba jeżisti suspett li persuna jew aktar fil-Bord tal-Awtorità għandha jew għandhom xi konflitt ta’ interess ċar minħabba r-relazzjoni professjonali jew ta’ xi tip ieħor ma’ operatur jew operaturi fl-industrija.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-appell lill-Gvern ta’ Robert Abela biex juri biċ-ċar li mhux fil-but ta’ xi żviluppatur jew spekulatur billi jirtira din il-ħatra u jagħmel l-emendi meħtieġa ħalli anke min jintagħżel għal din il-kariga jkun mistħarreġ mill-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi, kif isir fil-każ ta’ awtoritajiet regolatorji oħrajn.