Koppja miżżewwġa residenti Santa Venera fejn il-mara qalet li tmexxi Child Care Centre fl-istess lokalità u raġel li qal li ma jaħdimx baqgħu miżmuma taħt arrest wara ġew akkużati quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello bi traffikar ta’ persuna umana li kienu qegħdin imexxu burdell f’Marsaskala.
Duncan Caruana ta’ 35 sena, li nforma lill-Qorti li ma jaħdimx u martu Francesca Caruana ta’ 29 sena wieġbu mhux ħatja li traffikar ta’ persuna ta’ nazzjonalità barranija, li mexxew burdell u li għexu għal kollox jew parti ta’ ħajjithom minn fuq il-prostituzzjoni meta kienu qed iħaddmu tliet nisa mill-Amerika t’Isfel.
Allegatament tnejn minn nisa li kenu mqabbda mill-koppja biex jagħmlu xogħol ta’ prostituzzjoni tressqu l-Qorti nhar it-Tlieta 14 ta’ Ġunju. Dawn in-nisa qalu mal-Pulizija li ġew Malta għal vaganza ta’ 15-il ġurnata u speċifikament biex jagħmlu kemxa flus u l-Erbgħa xehedu bil-magħluq għal aktar minn tliet sigħat u dan peress li l-Erbgħa stess filgħaxija kellhom jiġu deportati minn Malta lejn pajjiżhom.
Il-mara l-oħra li allegatament kienet traffikata ma tressqitx il-Qorti ma sħabha minħabba li skont il-Pulizija kienet vittma ta’ traffikar uman u se tibqa’ Malta. Sadanittant id-difiża talbet lill-Qorti biex tordna divjet fuq l-ismijiet tal-koppja u ma jixxandrux minn naħa tal-media minħabba li dawn għad għandhom żewġt itfal żgħar u li għadhom jattendu l-iskola primarja u ma jkunx sew għat-tfal li dawn jiġu suġġetti għal paroli fuq dak li qed jgħaddu mingħalihom il-ġenituri tagħhom.
Din it-talba kienet opposta mill-Prosekuzzjoni fejn qalet li ma hemmx bażi legali għad dan kollu għax ħafna huma dawk li jiġu akkużati b’reati li għandhom it-tfal. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ċaħdet it-talba. L-Ispettur Joseph Busuttil wieħed mill-prosekuturi qal lill-Qorti li l-Pulziija waslet għal dan il-każ wara li rċeviet informazzjoni anonima f’mumenti differenti li kien qed isir burdell f’Marsascala.
Tenna li ntbagħtu membri tal-korp tal-Pulizja għall-oservazzjoni fejn dawn segwew diversi rġiel, deħlin u ħerġin f’residenza. Meta l-Pulizija daħlet fil-post kien hemm l-akkużat Duncan Caruana fejn wara investigazzjoni kien skopert li l-ftehim li kien qed isir man nisa mill-irġiel huwa li huma jitolbu ħl;as ta’ 50 ewro għal nofs siegħa u 100 ewro għal siegħa, bil-flus jinqasmu nofs bin-nofs bejn il-prostituti u l-akkużat.
Minn aktar stħarriġ irriżulta li n-nisa kienu jaħdmu bejn it-8.00am u 1.00 am. Busuttil qal li għaldaqstant nġieb mandat ta’ arrest u wara aktar stħarriġ irriżulta li anke l-mara ta’ Duncan Caruana kienet kompliċi fil-każ fejn kienet tieħu t-telefonati u tagħmel il-bookings għal dan il-burdell.
Il-Prosekuzzjoni għamlet talba wkoll biex jiġu ffriżati l-assi tal-koppja, liema talba kienet milqugħa mill-Qorti. Wara x-xhieda twila u bil-magħluq taż-żewġ nisa, d-difiża talbet biex l-akkużati jingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq diversi fatturi fosthom il-fatt li għadhom preżunti nnoċċenti u li għandhom żewġt itfal żgħar x’jieħdu ħsieb.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonjat bil-qawwa kollha t-talba tad-difiża minħabba l-biża tal-kontaminazzjoni tal-provi peress li għad hemm persuni oħra li għad iridu jixhdu fil-każ. Il-Qorti li qalet li se tkun hija stess li se tkompli tisma’ l-każ ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Għall-koppja deheru l-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo, Ishmael Psaila u Sean Zammit. Il-proseku zzjoni tmexxiet mill-Avukati Nathaniel Falzon u Ramon Bonnet Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mgħejjuna mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Kylie Borg li nvestigaw il-każ. Il-kumpilazzjoni se tibda fil-21 ta’ Ġunju.
//= $special ?>