Lokali Qorti

Miċħuda t-talba għall-pleġġ fil-konfront ta’ Daniel Muka mixli bil-qtil doppju f’Tas-Sliema

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja ċaħdet it-talba ta’ l-Albaniż Daniel Muka għall-ħelsien mill-arrest peress li mhijex konvinta li huwa jista’ jagħti l-garanziji meħtieġa li joqgħod mal-ordnijiet tagħha. Muka jinsab mixli bil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfina u Ivan Maciejowski f’Tas-Sliema.

Muka qed iwieġeb mhux ħati li flimkin ma’ żewġ persuni oħra qatel b’tiri ta’ arma tan-nar lill-vittmi, anke jekk ammetta li kien fost il-grupp ta’ tliet irġiel li daħlu fid-dar fi Triq Locker waqt li seħħ ir-reat. Il-qtil seħħ fit-18 ta’ Awwissu tal-2020 għall-ħabta tal-10.20 p.m. meta l-vittmi kienu għall-kwiet f’darhom.

Dakinhar, il-qattiela sgassaw il-bieb ta’ barra, daħlu għal fuqhom u qatluhom b’tiri ta’ arma tan-nar. Pandolfino kien instab mejjet fis-sular ta’ isfel waqt li Maciejowski nstab mejjet fis-sular ta’ fuq. Il-Qorti kkunsidrat iċ-ċirkustanzi li jirriżultaw mir-rekord tal-proċeduri miġbura u li dawn jagħtu ħarsa aħjar dwar l-allegat involviment tiegħu fit-twettiq tar-reati li huwa akkużat bihom.

Il-Qorti qieset bir-reqqa l-argumenti tal-Avukat Ġenerali li jinkludu l-biża’ li jaħab jew jitlaq minn Malta. Dan huwa t-tħassib ewlieni espress bl-Avukat Difensur jimminimiżża din il-biża billi jsostni li Muka kellu biżżejjed rabtiet ma’ dawn il-Gżejjer.

F’dan il-kuntest partikolari, qalet il-Qorti, l-piena massima eventwali li tista’ tingħata kontra l-akkużat f’każ ta’ kundanna ssir konsiderazzjoni rilevanti ħafna u importanti. Skont il-liġi l-piena qawwija eventwali li tista’ tingħata kontra Daniel Muka, waħedha mhijiex ġustifikazzjoni suffiċjenti għal detenzjoni preventiva kontinwa bbażata fuq ir-riskju ta’ titjira jew ħarba jew li jinħeba.

Din il-konsiderazzjoni trid tingħata wkoll piż fid-dawl taċ-ċokon tat-territorju Malti u tal-insularità tiegħu fejn, meta wieħed iqis li ftit hemm lok fejn jistaħba. L-akkużat li qed jiffaċċja sentenza ta’ għomru l-ħabs ikun aktar inċentivat biex jaħrab jew jitlaq minn Malta, meta jingħata ċ-ċans.

Barra minn hekk, jekk l-akkużat jaħrab jew iħalli din il-ġurisdizzjoni, taħt il-Liġi Maltija ma hemmx possibbiltà li l-proċeduri kriminali jsiru jew ikomplu fl-assenza tiegħu. Għalhekk, ladarba dak l-akkużat jaħrab jew jitlaq minn Malta l-proċeduri kriminali kontriha jiġu paralizzati. Dan ukoll huwa fattur li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni meta Qorti tevalwa r-riskju li applikant jaħrab jew jitlaq minn Malta.

L-Imħallef Bugeja qal li filwaqt li din il-Qorti hija konxja bis-sħiħ mill-ġurisprudenza li tikkritika din il-ġurisdizzjoni minħabba l-fatt li bis-saħħa tad-daqs insulari żgħir tagħha għandha tkun f’pożizzjoni aħjar biex tgħasses il-fruntieri tagħha, flimkien mal-fatt li d-dħul u l-ħruġ ġewwa u minn Malta jista’ jsir biss bl-ajru jew bil-baħar, min-naħa l-oħra, u proprju minħabba dawn il-mezzi ta’ dħul u ħruġ, min għandu intenzjoni ħażina biżżejjed li jrid jaħrab minn dawn il-gżejjer jaf li jista’ jagħmel dan b’mod illegali u klandestin.

Dan billi jaħrab mill-kontrolli fuq il-fruntieri u jadotta oħrajn u modi ta’ trasport minbarra dawk ordinarji u leġittimi. Ovvjament, dan mhux biss limitat għal Malta peress li n-nies jaħarbu minn pajjiżi ferm akbar minkejja li għandhom tagħmir tal-aqwa kontrolli tal-fruntieri.

Nuqqas ta’ garanziji suffiċjenti

F’dan il-każ partikolari l-Avukat Ġenerali enfasizzat n-nuqqas ta’ garanziji adegwati li Muka jista’ joffri peress li l-ebda persuna ma ġiet ippreżentata biex tkun ta’ garanzija għalih. Meta l-Qorti l-ewwel ħadet inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi kollha, hija tqis li, f’dan l-istadju ta’ dawn il-proċeduri, għandha tiċħad it-talba peress li meta wieħed iqis kollox, mhijiex konvinta li l-akkużat jinsab f’pożizzjoni li jagħti garanziji suffiċjenti li jekk tingħata ħelsien mill-arrest hu se jaderixxu strettament mal-kundizzjonijiet tal-pleġġ.

Lanqas ma hemm garanziji li jidher kull meta ordnat minn xi Qorti, li ma jaħrabx jew jitlaq minn Malta, anke b’mezzi ta’ trasport irregolari jew ma jagħmilx xi reat kriminali ieħor. Konsegwentement il-Qorti ċaħdet it-talba tiegħu u ordnat notifika immedjata ta’ dan id-digriet lill-akkużat, lill-Avukat Ġenerali u lill-Uffiċjal Prosekutur.