Lokali Qorti

Niġerjan jinżamm arrestat wara li ġie mixli fuq ‘romance fraud’

Niġerjan ta’ 41 sena li għadu kemm jinġieb Malta mill-Ingilterra fuq mandat ta’ arrest Ewropew inżamm arrestat wara li ġie mixli fuq ħasil ta’ flus u frodi magħruf bħala “romance fraud”.  Johnson Anene li għamel żmien jgħix Malta f’San Pawl il-Baħar qabel ma telaq lejn ir-Renju Unit qal fi-Qorti li huwa jaħdem bħala xufier fuq il-fork-lifters wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Dan huwa każ relatat ma; numru ta’ Niġerjani li kien tressqu s-sena li għaddiet u għaddew proċeduri meta kienu tressqu l-Qorti b’rabta ma’ allegat “romance fraud”. F’każ minnhom mara anzjana kienet allegat li Niġerjan li għamilha ta’ suldat Amerikan kienet għaddietlu eluf ta’ ewro wara li kien iwegħda li ġej Malta fuq il-media soċjali. Dan il-każ għadu qed jinstema’ mill-Qrati Maltin.

Fil-konfront ta’ Anene il-Prosekuzzjoni qalet li kien tkomplew l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ din l-iskema ta’ frodi mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid u mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji.

Dawn l-investigazzjonijiet wasslu biex ġie identifikat Anene. In-Niġerjan ġie mixli li għamel atti ta’ ħasil ta’ flus, frodi u li kkonverta u ttrsasferixxa propjetà li ġejja minn attività kriminali u li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukati Abigail Caruana Vella, Sean Xerri de Caro u Karl Muscat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Claire Borg u Sahah Kathleen Zerafa għamlu talba, li kienet milqugħa mill-Maġistrat Rachel Montebello biex jiġu ffriżati l-assi kollha tal-akkużat.

Minn naħa tagħha l-Avukat Rachel Tua għamlet talba għall-pleġġ fejn qalet li meta huwa nqabad l-Ingilterra biex jiġi estradit lejn Malta ma kkontestax l-estradizzjoni u li hu lanqas biss kien jaf li hemm dan il-ħruġ ta’ mandat kontrih. Hija tenniet li huwa għandu rabtiet ma’ Malta għax għax għandu wkoll it-tfal f’dawn il-gżejjer u li ma jagħmilx sens li huwa ġie Malta mingħajr problemi biex imbagħad jerġa’ jaħrab.

L-Avukat Abigail Caruana Vella qalet li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għandhom għaddejjin u jista’ jkun li jitressqu persuna oħra b’rabta ma’ dan il-każ. Il-prosekutur qalet li hemm il-biża reali ta’ intraċċ tal-provi u li numru ta’ xhieda oħra għandhom jagħtu d-depożizzjoni tagħhom dwar dan il-każ.

Mill-investigazzjonijiet illi saru, qalet il-prosekuzzjoni rriżulta li r-raġel kien ħarab minn Malta biex jaħrab dawn ir-reati, iżda fil-ġimgħat illi għaddew ġie arrestat fir-Renju Unit permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Internazzjonali maħruġ mill-Pulizija Maltija. Ir-raġel kien deportat lejn Malta fis-sigħat illi għaddew u tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello LL.D u ġie akkużat b’ħasil ta’ flus u li rċieva oġġetti misruqin, fost oħrajn.