Raġel ta’ 47 sena mill-Mosta ġie kkundannat tmien xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar wara li nstab ħati li f’Lulju ta’ sentejn ilu seraq moħriet ta’ tractor minn Naxxar li jiswa €1,200. Antoine Gauci nqabad minn camera’s tas-CCTV fit-18 ta’ Lulju 2020 bil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia tikunsidra l-fatt li l-ħati għandu kondotta nadifa u li l-oġġett misruq gie ritornat lis-sid. Il-prosekuzzjoni spejgat ukoll li Gauci ikkopera matul l-investigazzjoni u li l-vittma għażel li jaħfer u jirrinunzja ghal kull proċedura u azzjoni kriminali.
Minn xi cameras tas-CCTV li kien hemm fuq il-post gie nnutat trakk Isuzu fejn persuna niżlet minnu u marret tara l-apparat. Ftit tal-ħin wara, l-istess persuna, ġie bi tractor, qabbad dan l-appartat mieghu u baqa’ sejjer bih. Mill-investigazzjoni rriżulta li dan kien Antoine Gauci.
Huwa ġie arrestat fit-3 t’Awwissu 2020. Is-sikka nstabet fir-razzett tal-imputat u dan ikkoopera fejn stqarr li kien ħaseb li s-sikka kienet mormija u għalhekk ħadha. Huwa zebagħha u qabbadha mat-tractor tiegħu. Eventwalment, is-sikka giet ritornata mill-imputat. Huwa kkonferma li kien mar fuq il-post minn fejn ittieħdet is-sikka u kkonferma ukoll li f’dak il-post hemm skip.
Il-vittma Alexander Vassallo stqarr li f’Lulju 2020, waqt li kien qed isuq f’Burmarrad, viċin taż-żona industrijali ġralu hsara fit-‘tractor’ u nqalgħatlu s-sikka minn postha. Huwa ħalla din is-sikka mal-ħajt u baqa sejjer bit-tractor bis-sikka sussegwentement ma nstabitx. Dwar dan kien għamel rapport mal-pulizija.
Xi żmien wara, kien ġie nfurmat mill-pulizija li x’aktarx kienet instabet is-sikka, u meta raha għarafha li kienet tiegħu u ħadha lura. Meta kienu marru biex ikellmuh il-Pulizija, Gauci kien instab fl-għalqa tiegħu fi Triq Burmarrad u wara li kien gie nfurmat bl-arrest.
Huwa kien ikkonsulta mal-Avukat Raphael Fenech Adami. Fil-garaxx ta’ mal-għalqa kienet instabet is-sikka in kwistjoni u l-imputat kien stqarr minn jeddu li kien sabha barra u ħadha fil-garaxx. Kien ghalhekk li ġabarha u ħadha l-garaxx, fejn għamlilha xi manutenzjoni. Dakinhar stess, is-sikka ġiet trasportata bl-assistenza tal-imputat stess u ritornata.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti qalet li minbarra li Gauci ammetta li kien hu li ħa s-sikka mir-ritratt esebit mill-prosekuzzjoni fejn jidher il-persuna li kien fuq il-post meta sar is-serq jirrizulta li hemm xebh bejn il-persuna maqbud fid-dehra tas-CCTV u l-imputat. Id-dehra ta’ l-imputat u tal-persuna fir-ritratt jixtiehbu. Il-prosekuzzjoni mmexiija mill-Ispettur Mario Xiberras esebit ukoll ritratti fejn jidher bic-car dan il-persuna hdejn trakk fil-mument li nsterqet is-sikka.
//= $special ?>