Il-Qorti kkundannat raġel ta’ 38 sena miż-Żejtun għal sena ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li bħal lum tliet snin, jiġifieri fil-15 ta’ Ġunju, 2019 ta daqqa ta’ flixkun f’wiċċ ġar tiegħu waqt li t-tnejn kienu f’każin fiż-Żejtun stess waqt il-perjodu tal-festa.
Il-Maġistrat Nadine Lia qalet fis-sentenza tagħha li Simon Camilleri minkejja li kien għaddej minn diffikultajiet fejn tidħol saħħa. Qalet li minkejja dan Camilleri kien f’sensih meta wettaq ir-reat u għalhekk f’każijiet bħal dawn sabet bilanċ bejn ir-riforma tal-imputat u l-interess tal-vittma tas-soċjetà.
Camilleri iddikjara li huwa qatt ma kellu vizzji tad-droga fil-passat u lanqas fil-preżent, iżda ġieli għamel użu mill-kokaina. Madankollu minn xhieda tat-tabib Gianluca Bezzina irriżulta li fil-passat “kellu problemi serji ta’ alkoħol u kultant b’xi użu tal-kokaina kultant”.
Filwaqt li jirriżulta li f’xi żminijiet f’ħajtu Camilleri kellu xi problemi personali, il-Qorti qalet li tqis dan l-attakk bħala wieħed għal kollox kapriċċjuż li ma kellux għalfejn isir u li minħabba fih bata konsegwenzi persuna oħra għal xejn b’xejn.
Il-Qorti qalet li tifhem li l-imputat għandu kundizzjoni ta’ dipressjoni, xorta waħda xejn ma jiskuża għemilu, u li mill-provi prodotti jirriżulta li l-imputat kien jaf x’inhu jagħmel. Il-Qorti tal-Maġistrati semgħet li sar raportat fl-għassa taż-Żejtun minn ċertu Dylan Abela li qal li kien safa aggredit mill-imputat.
L-incident seħħ meta l-vittma kien mat-tfajla tiegħu fil-każin hekk imsejjaħ tal-Lacci u l-imputat għall-għarrieda tah daqqa ta’ flixkun tal-ħgieġ f’wiċċu. Waqt li l-vittma kien qed jiddenfendi lilu nnifsu, l-imputat kompla jaggredieh u ħatfu minn għonqu u beda jniżżlu mal-art sakemm intervjenew nies oħra u ferrquhom.
Il-kuntistabbli Melvin Cutajar qal li l-inċident seħħ meta l-vittma kien qed jobrom sigarett kien hemm xi ħadd li mar għal għarrieda u tah daqqa ta’ flixkun f’wiċċu u ħasdu. Dak il-ħin hu pprova jiddefendi lilu nnifsu billi beda jxwejjer idejh għax il-persuna li aggredih ħatfu.
Kien biss meta xi nies ferrquhom li l-affari ikkalmat. Il-vittma kien stqarr li l-aggressur kien l-imputat Simon Camilleri li joqgħod bieb ma bieb miegħu. L-Ispettur Trevor Micallef qal wara kien mar iċ-Ċentru tas-Saħħa u filgħodu x’ħin għamel ir-rapport ippreżenta ċertifikat mediku li jindika li qed ibati minn ġrieħi gravi.
L-Ispettur qal li hu bagħat għall-akkużat fil-21 ta’ Lulju 2019 u wara li għażel li ma jkellimx avukat kien ta stqarrija li fiha spjega li l-allegat vittma u xi ħbieb tiegħu bdew jidħqu bih, għal-ewwel ma tax każhom imma mbagħad qabżitlu u tah daqqa ta’ flixkun.
Infixel meta raha d-demm
Il-vittma stqarr li kien infixel meta ra d-demm iqattar. Qal li ma jafx għalfejn l-imputat aggredih. Il-vittma ppreżenta ritratti tal-grieħi li ġarrba, liema ritratti gew meħuda mit-tfajla tiegħu. Huwa eskluda li hu jew il-persuni li kienu miegħu kienu b’xi mod jiddieħku bl-imputat u dan minħabba li skont hu, ma tantx kienu ilhom li waslu fil-każin.
It-Tabib Edward Zammit, miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid spjega li kien klassifika il-ġriehi sofferti mill-vittma bħala gravi. Dawn kienu jikkonsistu f’nefħa fuq l-għadma tax-xellug tal-wiċċ u ferita miftuha fuq l-istess għadma tax-xellug tal-wiċċ. Bhala trattament, il-ferita kienet tirrikjedi l-punti.
Mill-istqarrija ta’ l-imputat jirriżulta li l-vittma kien jafu u li kien hemm id-diżgwit bejniethom. L-imputat spjega li l-inċident seħħ għax kien hemm min jaqbad miegħu waħda sew, ‘għamilt żmien lanqas biss noħrog mid-dar ma kont. Dan qatt ma tajtu fastidju izda dan kompla magħhom.
“Dak in-nhar kont f’ħanut fil-festa taz-Żejtun, ġie Dylan u sħabu, gew quddiemi, bdew iħarsu lejja u jidhku. Issaportejtu għall-ewwel, baqa sejjer biha, qbadt flixkun u waddabtulu. Qbadna ftit f’xulxin iżda firduna u hu telaq ‘l hemm.” L-imputat għalaq l-istqarrija billi jgħid li “Idispjaċini talli waddabtlu l-flixkun u weġġa hekk.”
Il-Qorti qalet li trid tara mhux biss l-aspett riformattiv ta’ l-imputat iżda trid ssib bilanċ bejn il-gravità tal-każ u l-ħarsien u l-interessi tal-vittmi tar-reat u s-soċjetà in generali sabiex tara li dan ir-reat ma jerġax jipi kommess kif ukoll tagħti l-ħarsien meħtiega lil pubbliku u dan fid-dawl taż-żirkostanzi ta’ kif seħħ il-każ.
Il-Qorti wara li qieset iċ-ċirkostanzi tal-każ u s-sottomissjonijiet tal-partijiet tqis li l-piena karċerarja b’mod effettiv mhux se ikun l-iktar piena idonea f’dan il-każ. Il-Qorti tqis li f’dan il-każ hemm lok li jiġi maħruġ Ordni ta’ Trattament fil-konfront tal-imputat u li permezz tiegħu huwa jkun jista’ jiġi mgħejjun jegħleb diffikutajiet li huwa jindika li għaddej minnhom u sabiex jitgħallem jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu.
iI-Qorti poġġiet lill-ħati taħt ordni ta’ trattament għal perjodu u ta’ sentejn wara li hija spjegat lil ħati bi kliem ċar li f’każ li huwa ma joqgħodx għall-kondizzjonijiet imsemmija sabiex tipprovdi għas-sigurta` pubblika u garanzija għal Dylan Abela, qiegħedet lill-ħati taħt obbligazzjoni personali għall- perjodu ta` sena taħt penali ta’ €1,000.
//= $special ?>