Internazzjonali Lokali Parlament

Ser jiġi ffurmat ‘Kumitat Parlamentari ta’ ħbiberija’ bejn Malta u l-Ukrajna

“F’isem il-poplu Ukren, ninsabu grati ħafna, nesprimu l-gratitudni sħiħa tagħna għall-appoġġ kollu li l-poplu Malti qed jagħti lil dak tal-Ukrajna.” – Dan kien il-messaġġ tal-Ewwel Viċi President tal-Parlament tal-Ukrajna, Oleksandr Kornienko waqt laqgħa li kellu mal-Ispeaker tal-Parlament Malti, Anġlu Farrugia.

Laqgħa li matulha, Anġlu Farrugia rċieva stedina uffiċjali biex iżur l-Ukrajna. Stedina li hu aċċetta. Dan filwaqt li fost diversi temi li kienu diskussi matul il-laqgħa, kien konfermat il-ħolqien ta’ kumitat ta’ ħbiberija, jew inkella kumitat inter-parlamentari bejn l-parlament Malti u dak Ukren. Dan se jkun kompost minn membri parlamentari Maltin miż-żewġ naħat tal-kamra u membri parlamentari Ukreni. Il-kompożizzjoni ta’ dan il-kumitat mistennija titħabba fil-jiem li ġejjin.

Intant, matul din il-laqgħa kienet imfaħħra l-ħidma tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li kienet fost l-ewwel mexxejja minn madwar id-dinja, li żaret l-Ukrajna f’nofs gwerra. Hawnhekk, iż-żewġ naħat tkellmu wkoll fuq l-applikazzjoni tal-Ukrajna biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, xi ħaġa li mistenija tkompli tiżviluppa fil-jiem li ġejjin.

Fatt interessanti li ħareġ minn din il-laqgħa kien li bħalissa f’pajjiżna hawn madwar elf ċittadin Ukren li ħarab mill-Gwerra u ngħata refuġju f’pajjiżna.

Id-delegazzjoni Maltija kienet komposta mill-Ispeaker, l-Iskrivan tal-Kamra Raymond Scicluna, l-Ambaxxatur Malti għall-Ukrajna John Debono, id-Direttur tal-Finanzi Pierre Mallia, il-Konsulent tal-Affarijiet Barranin Giovanni Miceli, id-Direttur tar-Relazzjonijiet Internazzjonali Eleanor Scerri.

Preżenti għad-delegazzjoni Ukrena mal-Ewwel Viċi President kien hemm, l-Ewwel Segretarju tal-Ambaxxata Ukrena Yuri Grynevetskyi, l-Ambaxxatur tal-Ukrajna għal Malta Yaroslav Melnyk u l-assistent ta’ Kornienko, Andriy Kanyuka. Preżenti wkoll l-interpretu Yuliya Azzopardi li assistiet fil-komunikazzjoni bejn iż-żewġ delegazzjonijiet.

Ritratti: Matthew Tabone