Rapport: Stewart Said
NEPTUNES VIDEOSLOTS……. 13
BIRŻEBBUĠA FREEPORT……. 6
(0-0), (2-3), (5-1), (6-2)
Il-kowċ ta’ Neptunes Jovan Popovic kellu jirrikorri għall-captain Stevie Camilleri biex seta’ jegħleb l-isfida denja ta’ Birżebbuġa Freeport. Camilleri għamel l-ewwel żewġ sessjonijiet bilqiegħda u meta niżel fl-ilma, Neptunes għollew il-livell fil-prestazzjoni. Stevie Camilleri kien qed jirritorna hekk kif ġej minn staġun relattivament twil fil-kampjonat Taljan A2. Nieqes mit-tim kien hemm l-imweġġa’ Jake Muscat.
Fl-ewwel parti tal-logħba, Neptunes ma kinux preċiżi quddiem il-lasta b’diversi konklużjonijiet u man-ups żbaljati. Fl-ewwel sessjoni ħadd ma rnexxielu jsib ix-xibka. Neptunes kellhom vantaġġ ta’ 2-1 fit-tieni sessjoni, sakemm Keith Tanti u gowl sabiħ ta’ Ben Grech dawru r-riżultat favur Birżebbuġa.
F’dak il-mument, il-kowċ ta’ Neptunes Jovan Popovic irrikorra għal Stevie Camilleri. Il-captain tat-tim donnu ispira lil sħabu u fit-tielet sessjoni ħadu l-kmand tal-logħba.
Huma bdew il-logħba b’vantaġġ ta’ 7-4 wara ħames gowls konsekuttivi, b’Keith Tanti jħalli lil Birżebbuġa jittamaw bi ġmiel ta’ gowl mid-distanza. Iżda dak li urew fit-tielet sessjoni, Neptunes komplew juruh fl-aħħar perjodu hekk kif ħadu l-opportunità biex ikabbru r-rebħa, bl-isforzi ta’ Birżebbuġa ma kinux biżżejjed.
Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat, S. Gialanze (1), G. Pace, J. Cachia (2), J. Spiteri Staines (2), S. Camilleri (1), J. Camilleri (2), M. Farrugia, M. Spiteri Staines (1), A. Fenech (3), M. Castillo (1), A. Fava
Birżebbuġa: M. Vassallo, J. Farrugia, N. Cassar, B. Grech (2), C. Mifsud, R. Mock, D. Farrugia, D. Cutajar, N. Fenech, K. Tanti (3), G. Mannino (1), M. Curmi, M. Sladden, I. Galea, G. Sammut
Referees: Massimo Angileri, Alessandro Roberti
Exiles jirkupraw minn ħasda inizjali
MARSAXLOKK BROWN’S…. 7
EXILES…………………………… 15
(2-2), (3-3), (0-5), (2-5)
L-iskor finali jqarraq l-andament tal-logħba. Exiles evitaw ħasda inizjali u kisbu t-tliet punti li kienu mistennija jirbħu. Marsaxlokk kellhom l-ewwel nofs tal-logħba tajjeb u taw battikata lit-tim ta’ Aurelien Cousin iżda ma żammewx l-istess livell ta’ prestazzjoni.
Exiles ħadu l-vantaġġ darbtejn fl-ewwel sessjoni iżda Marsaxlokk wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet. Ix-Xlukkajri saħansitra ħadu vantaġġ ta’ 4-2 fit-tieni sessjoni, vantaġġ li dak il-ħin kien meritat. Iżda Exiles irnexxielhom itemmu s-sessjoni 5-5, bi tripletta ta’ Max Aquilina.
It-tim ta’ Aurelien Cousin irnexxielu jieħu l-kmand tal-logħba fit-tielet sessjoni. Marsaxlokk naqqsu r-ritmu li kellhom fl-ewwel parti tal-logħba u sofrew ħames gowls mingħajr risposta.
Minkejja li l-logħba kienet ġiet deċiża, Exiles komplew ikabbru l-vantaġġ għal 14-5, b’Marsaxlokk isibu x-xibka darbtejn lejn it-tmiem, gowls li ma fissru xejn għajr konsolazzjoni.
Marsaxlokk: S. Mifsud, R. Spiteri, C. Cutajar, B. Zammit, T. Agius (1), D. Bugeja, D. Cordina, L. Mallia (2), L. Saliba, R. Galea (1), J. Valletta (2), A. Cook, M. Farrugia, E. Mallia (1), R. Scerri
Exiles: M. Castillo, N. Saliba, L. Gialanze (1), P. Paris (3), T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti (2), N. Paris (1), J. Bajada, M. Aquilina (5), D. Fenech, G. Borg, M. Martellacci (2), M. Paris Roding
Referees: Alessandro Roberti, Ronnie Spiteri
L-ewwel rebħa għal Valletta
OTTERS NIVEA…………… 5
VALLETTA IZIBET……….. 16
(6-1), (4-1), (1-1), (5-2)
Tasal l-ewwel rebħa ta’ Valletta Izibet fi Grupp A. Konfront li fih il-Beltin kienu superjuri u qatt ma kien hemm dubju li kienu se jirbħu l-logħba. Sebastian Busuttil reġa’ spikka fis-centre għal Valletta.
Il-Beltin urew l-intenzjonijiet tagħhom mill-bidu u fetħu vantaġġ ta’ erba’ gowls fl-ewwel minuti tal-logħba, distakk li għamilha diffiċli għal Otters biex jidħlu fil-logħba. Wara li Matthew Farrugia naqqas id-distakk, Stephen Micallef skorja darbtejn għal Valletta.
Il-vantaġġ tat-tim ta’ Joe Cremona kompla jikber fit-tieni sessjoni, liema vantaġġ ippermetta lill-kowċ Belti biex jagħmel iktar rotazzjoni fit-tim waqt l-aħħar żewġ sessjonijiet. Otters pruvaw l-aħjar tagħhom biex jillimitaw id-danni, b’Valletta jiskorjaw tliet darbiet konsekuttivi fl-aħħar mumenti tal-logħba biex issiġillaw ir-rebħa.
Valletta: B. Busuttil, N. Farrugia, M. Pace, L. Hyzler (1), S. Busuttil (4), T. Said, D. Paolella, M. Mifsud (3), S. Micallef (2), A. Agius (1), K. Galea (1), J. Culic (1), A. Bugeja, L. Felice (2), R. Attard (1)
Otters: M. Xerri, M. Bonnici, K. Scicluna (1), L. Grech Carr, M. Farrugia (1), D. Dimech, I. Azzopardi, S. Dimech (2), L. Dimech (1), S. Apap, Z. Bartolo, A. Dimech, G. Gatt Ellis, K. Micallef
Referees: Stefan Licari, Andrea Doro
Logħob li jmiss
Il-Ġimgħa
Grupp A: Sirens v Neptunes 6.15pm, Otters v Birżebbuġa 7.20pm
Grupp B: Exiles v San Ġiljan 8.25pm
