Numru ta’ rapporti – li s-sorsi tagħhom ma kenux żvelati – indikaw li skwadra ta’ eks-suldati Britanniċi tal-SAS irnexxielhom (sallum) joqtlu mal-20 Ġeneral tal-Armata Russa waqt il-gwerra tal-Ukrajna.
Intant, dawn l-eks-suldati, li sa ftit ilu kienu parti mill-elit tal-militar tar-Renju Unit, ħalfu li jkomplu jappoġġjaw lill-Ukreni kontra l-qawwiet tar-Russja. Dan wara li huma ilhom l-aħħar sitt ġimgħat jaħdmu (fl-Ukrajna) biex jeliminaw lill-aktar uffiċjali militari influwenti tal-Kremlin.
Il-preżenza tal-eks-suldati tal-SAS fl-Ukrajna qatt ma ngħatat ħjiel ta’ rikonoxximent mill-Gvern Britanniku — fost indikazzjonijiet li l-iskwadra, li hi speċjalizzata f’kull tattika militari, ma tinvolvix aktar minn ħmistax-il membru.
Dan ukoll meta l-eks-suldati tal-SAS huma determinati biex ‘ikissru l-moral tal-militar Russu fl-Ukrajna’ – u fejn huma wkoll lesti biex jiġġieldu sal-mewt.
Qed ikun allegat ukoll li l-eks SAS qatlu talanqas 15-il merċenarju ta’ grupp bl-isem Wagner li qed jaġixxi bħala ‘entità ta’ qattiela’ għall-Kremlin fl-Ukrajna. Intant, ir-Russja fl-ebda ħin ma qatt irrikonoxxiet lill-merċenarji b’mod uffiċjali – inkella ammettiet li l-Wagner huwa, fil-fatt, strument tal-Istat.
L-eks suldati tal-SAS fl-Ukrajna għandhom – bejniethom — xi 120 sena ta’ esperjenza bħala membri tal-qawwiet speċjali. Huma għandhom aċċess għal varjetà ta’ splussivi, armamenti u munizzjon, bir-rapport jirreferi għalihom bħala ‘veterani tal-gwerrer fl-Iraq u l-Afganistan’, li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn 29 sa 62 sena’.
L-indikazzjonijiet huma li dawn il-Britanniċi kienu reklutati għall-ġlied kontra r-Russi fl-Ukrajna permezz ta’ grupp tal-Whatsapp għall-eks-membri tar-riġment tal-SAS. Fl-istess ħin, qed jingħad li l-eks-suldati tal-SAS anki qed iħarrġu lil xi taqsimiet tal-Armata Ukrena fit-tattiċi tal-gwerra.
Li hu ċert, intant, hu li ħadd minn fost l-eks SAS mhu lest li jinqabad ħaj mir-Russi. Dan minħabba l-probabbiltà kbira li huma jispiċċaw ittorturati mill-militar ta’ Moska – qabel jitressqu għal ‘speċi ta’ proċess’ li jirriżulta f’sentenzi tal-mewt ‘għal merċenarji barranin’.
//= $special ?>