Internazzjonali

Unjoni Ewropea: Id-differenzi dwar Brexit jidħlu f’fażi ġdida

L-Unjoni Ewropea, bħalma kien mistenni, ikkonfermat li qed tressaq azzjoni legali ġdida kontra r-Renju Unit dwar il-pjani ta’ Londra biex tinjora elementi tal-ftehim li kien intlaħaq dwar l-Irlanda ta’ Fuq b’relazzjoni ma’ Brexit.

L-azzjoni daħlet fis-seħħ wara li l-Ministri Britanniċi kienu ressqu abbozz ta’ liġi bil-ħsieb li l-arranġamenti li, fl-2019, intlaħqu bi ftehim reċiproku dwar il-kummerċ, taxxa u governanza tal-Irlanda ta’ Fuq jinbidlu b’mod unilaterali.

Filwaqt li r-Renju Unit u l-UE kienu qablu dwar it-trattat, il-Britanniċi qed jgħidu li s-sitwazzjoni qed ixxekkel il-kummerċ u s-sistema għall-qsim tal-poter fl-Irlanda ta’ Fuq. Sadanittant, l-Unjoni Ewropea wieġbet li r-Renju Unit qiegħed jikser il-liġi internazzjonali bl-inizjattiva tiegħu ħalli ‘jitwarrbu’ xi partijiet tal-ftehim inkwistjoni.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Maros Sefcovic, tenna li ma teżisti l-ebda ġustifikazzjoni – fuq livell politiku jew legali – għal xi tibdil unilaterali fi ftehim internazzjonali. Hu sostna wkoll li Londra ‘qed taġixxi b’mod illegali’ u li l-UE ikrrikorriet għall-azzjoni legali għaliex ma kellhiex għażla oħra.

In-Northern Ireland Protocol jinvolvi arranġament speċjali li jippermetti biex l-Irlanda ta’ Fuq – bħala parti tar-Renju Unit – tibqa’ fis-suq ewlieni tal-UE għall-prodotti filwaqt li tevita l-impożizzjoni ta’ fruntiera b’kontrolli eċċessivi – magħrufa bħala hard border — mar-Repubblika Irlandiża ( li hi membru tal-UE).