Ekonomija Kummerċ Lokali

Wara sena, Malta titneħħa minn fuq il-greylist

Il-PN sodisfatt li isem Malta nħareġ mil-lista l-griża tal-FATF

Wara sena, Malta tneħħiet minn fuq il-lista l-griża… lista li pajjiżna qatt ma messu spiċċa fiha.

Wara tnax-il xahar pajjiżna tneħħa minn fuq din il-lista wara vot sigriet li ttieħed fi ħdan l-FATF bit-tħabbira uffiċjali mistennija ssir nhar il-Ġimgħa li ġej fi tmiem il-plenarja.

Din l-aħbar intlaqgħet b’mod pożittiv minn diversi persuni fosthom dawk li jaħdmu fil-qasam finanzjarju hekk kif issa, wara dawn ix-xhur kollha li pajjiżna kien fuq il-lista, Malta tista’ tibda terġa’ tirkupra l-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Il-fatt li pajjiżna kien spiċċa fuq il-greylist ifisser li Malta tpoġġiet taħt skrutinju akbar minn bosta korpi internazzjonali… skurtinju li ħalla l-efett negattiv tiegħu fuq l-ekonomija tagħna. Matul dawn it-tnax-il xahar Malta intlabet timplimenta lista twil ta’ bidliet fosthom fil-mod kif tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa.

Dan kollu jikkonferma kemm kien jagħmel sens dak li qal matul il-Kampanja Elettorali l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li pajjiżna seta’ jitneħħa minn fuq din il-lista l-griża fi żmien tliet xhur.

Il-PN sodisfatt li isem Malta nħareġ mil-lista l-griża tal-FATF

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li pajjiżna m’għadux fil-lista l-griża tal-FATF.

Dan hekk kif jemmen li isem pajjiżna qatt ma kellu jittappan b’dan il-mod minħabba d-deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern Laburista. Riżultat ta’ dawn, diversi entitajiet f’pajjiżna spiċċaw skrutinizzati ħafna aktar u dan b’detriment għall-poplu tagħna.

Barra minhekk, ir-riżultat tal-lum ifisser ukoll li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu raġun meta kien jgħid li hu possibbli li isem Malta jitneħħa mil-lista l-griża fi tliet xhur mill-elezzjoni ġenerali.