Internazzjonali

AĠĠORNATA: Draghi, Macron, u Scholz jaslu fi Kiev

Illum, il-mexxejja tal-Italja, Franza u l-Ġermanja taw bidu għal taħdidiet importanti mal-President Ukren Zelensky – fost sigurtà stretta fil-kapitali Ukrena.

Draghi, Macron, u Scholz waslu fi Kiev kmieni dalgħodu permezz ta’ ferrovija. U din il-laqgħa qed titqies bħala messaġġ ċar ta’ appoġġ mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea lejn il-Gvern Ukren.

Mal-wasla tiegħu fi Kiev, Emanuel Macron stqarr li l-ġimgħat li ġejjin se jkunu diffiċli ferm għall-Ukrajna. Partikolarment fid-dawl ta’ dak li qed iseħħ fil-belt ta’ Severodonetsk fejn għad hemm mal-10,000 ċivili li jinsabu maqbuda waqt li għaddejin il-bumbardamenti tar-Russi.

Minn naħa tiegħu, il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz stqarr li pajjiżu se jibqa’ jgħin lill-Ukrajna kemm ikun hemm bżonn.

Intant, fl-aħħar sigħat, il-President Ċiniż assigura lil Vladimir Putin li se jibqa’ jappoġja s-sovranità tar-Russja. Dan wassal għal reazzjoni immedjata minn Washington, illi wissiet li ċ-Ċina qed tirriskja li tispiċċa “fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja”.