Lokali

Fearne jaqla’ ċanfira mill-Ewropa u mill-Commonwealth

‘Azzjoni kundannabbli għall-aħħar minn Gvern li jsejjaħ lilu nnifsu demokratiku”

“Irtira minnufih l-azzjoni fil-Qorti fil-konfront tal-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel” – “Huwa inaċċettabbli li fl-2022 Gvern iressaq il-Qorti organizzazzjoni minħabba li jindirizzaw ir-realtajiet fis-sistema tas-Saħħa taħt il-Gvern”.

Dan intqal mill-Federazzjoni Ewropea tal-Assoċjazzjonijiet tal-Infermieri (EFN) kif ukoll l-Federazzjoni tal-Commonwealth għall-Infermieri u l-Qwiebel wara li l-Ministru Chris Fearne se jkun qiegħed itella’ lill-MUMN il-Qorti minħabba d-direttivi u protesti li qed jagħmlu hekk kif qed jinsistu li hawn nuqqas kbir ta’ infermieri fil-pajjiż…u dawk li hawn għaddejjin minn kriżi u biża’ kbira.

F’ittra indirizzata lil Chris Fearne l-EFN saħqet li l-imġieba ta’ Fearne hija waħda inaċċettabbli u insistew li hija azzjoni kundannabbli għall-aħħar f’dak li huwa suppost gvern demokratiku. Huma saħqu li l-infermieri u l-qwiebel f’Malta spiċċaw taħt il-mira b’mod inġust minħabba l-fatt li qed jissieltu għad-drittijiet tagħhom.

Huma appellaw lill-Ministru Fearne sabiex minnufih jieħu azzjoni mhux kontra l-infermieri, iżda biex jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema li hawn f’Malta f’dan is-settur.

Dan filwaqt li insistew li wara l-kedda li ħadu dawn il-professjonisti waqt l-eqqel tal-pandemija, żgur li dan mhux ir-rispett li kienu qed jistennew li se jirċievu mingħand Chris Fearne.

Mill-banda l-oħra s-CNMF saħqu li l-infermieri u l-qwiebel f’Malta jinsabu f’burnout qawwi minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema li hawn u l-biża’ li l-Gvern iressaqhom il-Qorti.

Huma appellaw lill-Gvern sabiex ma jibqax jeskala s-sitwazzjoni u jpoġġi madwar il-mejda mal-MUMN u jisma’ b’mod serju u sinċier l-appelli tagħhom filwaqt li jfassal flimkien mal-organizzazzjonijiet konċernati pjan ta’ 10 snin.

Dan sabiex tiżdied l-edukazzjoni f’dan il-qasam u jiġu introdotti mekkaniżmi sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jaħdmu aħjar u b’mod adegwat, għal ġid tal-pazjenti wkoll.

Huma saħqu li xejn ma jissolva bil-kunflitti iżda insistew li l-appelli tal-MUMN huma reali.