Lokali Qorti

Ftit qabel ma nqatel Mario Farrugia informa lil ħuh li kien inkwetat fuq żewġ klijenti x’aktarx mdaħħla fid-droga

Ix-xufier tat-taxi Mario Farrugia (ritratt) li kien inqatel f’April li għadda kien tkellem ma’ ħuh ftit qabel mewtu, u esprima tħassib dwar żewġ klijenti li kienu qegħdin idejquh, li hu kien qed jissuspetta li kienu involuti fil-kummerċ tad-droga, u li kemm-il darba kienu qed jibbukkjaw is-servizzi tiegħu iżda jħallsu biss nofs in-nol.

Il-fdalijiet ta’ Farrugia kienu nstabu ġewwa l-luggage booth tal-karozza tiegħu stess, f’Wied f’Ħal Qormi fil-5 ta’ April. Minn awtopsja rriżulta li kien ingħata daqqiet ta’ sikkina f’sidru xejn inqas minn 45 darba. Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif ħu Farrugia, Joseph, xehed fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Elliot Paul Busuttil ta’ 38 sena, li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Farrugia.

Persuni oħra, li l-pulizija jissuspettaw li kellhom sehem fil-qtil huma mifhuma li għadhom jiġru barra. Waqt l-aħħar seduta, f’Mejju, fil-Qorti kien intqal li d-DNA ta’ Farrugia kienet instabet f’tebgħat tad-demm li l-pulizija kienet innotat fuq il-ħajt tas-sodda ta’ Busuttil.

Il-vittma kellu 62 sena meta nqatel, ikkonferma ħuh. “Mario ġie rrappurtat nieqes minn xi ġirien,” huwa qal. “Sirt naf b’dan kollu minn fuq Facebook, għax dak iż-żmien kont imsiefer fuq ix-xogħol.” “Ċempilt lil marti u għedtilha biex tiċċekkja u tara x’qed jiġri.

Iktar tard ċemplitli lura u qaltli li kienet ċempel lill-pulizija u qalulha li rċevew rapport ta’ persuna nieqsa, li kienu ppubblikaw fuq Facebook, peress li ma kellhom l-ebda rekord tal-familjari.” Il-pulizija dakinhar kienet qed tfittex il-karozza ta’ ħuh, peress li ma nstabitx fil-post tar-residenza tal-vittma, huwa żied jgħid.

L-Avukat Arthur Azzopardi, parte civile, staqsa x’tip ta’ karozza kienet. “Peugeot 407, griż metalic,” wieġeb ix-xhud. Ma setax jiftakar in-numru tar-reġistrazzjoni. “Kien xtraha wara li ra reklam fuq MaltaPark u kkuntattja lill-bejjiegħ.” Azzopardi staqsa għalxiex kellu bżonn il-karozza. “Kien riedha biex ikun jista’ jaħdem biha bħala xufier tat-taxi. Kien ġie boarded out u ried isaħħaħ id-dħul tal-pensjoni tiegħu,” huwa qal, u żied li Farrugia kien beda jaħdem bħala xufier ta’ taxi f’Novembru tal-2021.

Ix-xhud fakkar fl-aħħar darba li ra lil ħuh ħaj, meta kien mar id-dar ta’ Mario Farrugia biex jgħinu jaqra xi korrispondenza peress li l-vittma ma kienx jaf jaqra. “Staqsieh kif kien sejjer in-negozju tat-taxis. Qal ‘M’iniex sejjer daqshekk tajjeb. U hemm żewġ persuni li dejjem qed jibbukkjawni u jħallsu biss nofs in-noll.’”

Ix-xhud qal li ħuh kien żied jgħid li kien issuspetta li dawn l-individwi kienu involuti fil-kummerċ tad-droga. Qabel ma x-xhud kellu jmur barra minn Malta, l-vittma kien tkellem miegħu, u talab id-dettalji biex ikun jista’ jagħmel kuntatt mal-mecchanic tiegħu.

“Dik kienet l-​aħħar konverżazzjoni li kelli maʼ ħija,” qal ix-xhud. Filwaqt li l-każ ġie aġġornat għat-28 ta’ Ġunju, il-Qorti ordnat li żewġ xhieda, li naqsu li jkunu preżenti għas-seduta minkejja li ġew imħarrka, jiġu skortati mill-pulizija għas-seduta li jmiss.

L-avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila huma avukati difensuri tal-akkużat. L-Avukat George Camilleri qed imexxi l-prosekuzzjoni f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Arthur Azzopardi qed jirrappreżenta lill-familja tal-vittma fil-proċeduri.