Lokali

AĠĠORNATA: George Hyzler maħtur membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħatar żewġ Membri ġodda, wieħed minn Ċipru u wieħed minn Malta, biex jaqdu mandat ta’ sitt snin fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA). 

George Hyzler, li ilu mill-2018 il-kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika f’Malta, inħatar bħala Membru tal-QEA għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2028, u b’hekk se jieħu post Leo Brincat.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech feraħ lil George Hyzler li ġie appuntat uffiċjalment bħala membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. “Bħalma f’pajjiżna ħalla impatt pożittiv f’kull pożizzjoni li ħadem fiha, konvint li l-istess se jkun qed jagħmel f’din il-kariga l-ġdida tiegħu.”

Bernard Grech awgurawlu ħidma sfiqa.

Maħtur ukoll il-membru Ċiprijott

Lefteris Christoforou, li ilu mill-2014 Membru tal-Parlament Ewropew iservi bħala membru sħiħ tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, inħatar bħala Membru tal-QEA għall-perjodu mit-2 ta’ Novembru 2022 sal-1 ta’ Novembru 2028, u b’hekk se jieħu postLazaros Lazarou.

It-Trattat jirrikjedi li l-Membri jaqdu dmirijiethom f’indipendenza sħiħa u fl-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu abbażi ta’ proposti mill-Istati Membri u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.